L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tinbet u tikber” (Mk 4:27). Hekk jiddeskrivi Ġesù ż-żerriegħa li raġel ikun tefa’ fl-art, fl-Evanġelju skont San Mark. U Ġesù jżid xi ħaġa oħra: li din tinbet u tikber “bla ma jaf kif” (Mk 4:27). Ir-raġel ma joqgħodx fejn iż-żerriegħa biex jara x’qed tagħmel. Iż-żerriegħa tinżel isfel fil-ħamrija, u ma jarahiex iżjed, tindifen. Imma, fil-fatt, tkun qed tinbet u tikber, u permezz ta’ hekk, tista’ wkoll tagħmel il-frott.
Din il-parabbola li qal Ġesù nsibuha biss fl-Evanġelju skont San Mark. U hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq diversi affarijiet li huma ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, qed jgħid kemm hu importanti li aħna nagħtu l-kontribut tagħna għas-saltna ta’ Alla, li naħdmu. Dan ir-raġel xeħet iż-żerriegħa fl-art biex din tista’ tinbet u tikber. Kieku ż-żerriegħa baqgħet ġo pakkett, jew inkella ġo kexxun, qatt ma kienet tista’ tikber u tagħmel il-frott. Għalhekk, il-ħidma ta’ dar-raġel kienet importanti. U Ġesù qed jgħid: hekk ukoll is-saltna ta’ Alla, il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna hi importanti, irridu nagħtu s-sehem tagħna, u ma nistgħux nistennew minn Alla dak li jmissna nagħmlu aħna. Aħna għandna nagħmlu dak li għandna r-responsabbiltà li nagħmlu.
Imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa li hi sabiħa wkoll għall-ħajja tagħna. Qed jgħid: min ikabbar iż-żerriegħa? Hu Alla li jkabbar, kif ifakkarna wkoll San Pawl, “Alla hu li jkabbar” (1 Kor 3:6). Mhux aħna li nkabbru ż-żerriegħa. Hu Alla li jagħmel dan, u jagħmel dan – innutaw iż-żerriegħa – fis-skiet, fil-kwiet, bla ħafna storbju. Ġesù qed jgħid: hekk taħdem is-saltna ta’ Alla: bis-sehem ta’ diversi nies, imma l-aktar bis-sehem tagħhom fil-ħajja ordinarja fis-skiet, fil-kwiet, bla ħafna fanfarunati, bla ma wieħed jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu. Hemm tkun qed tikber is-saltna ta’ Alla u tista’ tagħti l-frott. Hu b’dal-mod li fl-aħħar mill-aħħar iż-żerriegħa tagħti l-frott, u b’dal-mod ukoll li fis-saltna ta’ Alla jista’ jkun hemm il-frott. Ħa nsemmi eżempju: kemm ġid isir fi ħdan il-familji, proprju fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fejn ħadd ħlief Alla ma jkun jaf x’qed isir! Hu b’dal-mod li tinbena s-saltna ta’ Alla, bil-ġid li jsir fis-skiet u fil-kwiet.
Ġesù jgħid parabbola oħra. Din, barra f’San Mark, insibuha wkoll f’San Mattew u f’San Luqa. Hi l-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda. Biha Ġesù qed jgħid: ħarsu lejn iż-żerriegħa tal-mustarda li hi “l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art” (Mk 4:31). Verament, min ra żerriegħa tal-mustarda jaf kemm hija żgħira. Hu qed jgħid: din, wara li tinżera’, tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha. X’qed jgħid Ġesù? Ara kif tikber ukoll is-saltna ta’ Alla: b’xi ħaġa żgħira, b’xi ħaġa ċkejkna. Alla jibdel iż-żgħir u ċ-ċkejken f’xi ħaġa tassew kbira u ta’ ġid. Aħna kultant infittxu dak li hu straordinarju, dak li hu kbir. Anke l-kliem tagħna kultant – “superjuri”, “dominanti” – qishom dawn l-iktar li jagħmlu ġid. Mentri Alla jagħżel iċ-ċkejken, iż-żgħir, u u jibdlu f’xi ħaġa tassew kbira bħalma jagħmel biż-żerriegħa tal-mustarda. Għalhekk irid li aħna napprezzaw dawk l-affarijiet li huma ċkejknin u żgħar. Kultant issib min jgħid, ħa nsemmi eżempju: jien x’nista’ nagħmel? Jien qiegħed f’qiegħ ta’ sodda, marid jew marida, jew anzjan jew anzjana, x’nista’ nagħmel? Tista’ tagħmel. Anke t-talb fis-skiet, u billi toffri t-tbatija. Tidher ħaġa żgħira u insinifikanti. Imma Alla jieħu dak li għalina jidher żgħir u jibdlu f’xi ħaġa tassew kbira u ta’ ġid.
Ara x’lezzjoni sabiħa jagħtina Ġesù! Ifakkarna li mhux aħna li nkabbru s-saltna ta’ Alla, imma Alla hu li jkabbar is-saltna tiegħu, speċjalment permezz tal-ħidma li ssir fis-skiet u fil-kwiet; u li, permezz tal-ħidma ta’ Alla, dak li hu ċkejken jibdlu f’xi ħaġa tassew kbira u ta’ ġid.
Nitolbu lill-Mulej, speċjalment bit-Talba tal-Missierna, li ngħidu f’kull quddiesa. Meta ngħidu “tiġ saltnatek”, ħa niftakru b’liema mod tiġi s-saltna ta’ Alla, kif spjegahielna Ġesù; u ngħixu dejjem bi gratitudni lejn Alla. Huwa hu li jkabbar u minn żerriegħa ċkejkna joħroġ il-frott, u frott li jagħmel tassew ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju