L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Talbuh sinjal mis-sema” (Mk 8:11). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mark illum fuq il-Fariżej li lil Ġesù talbuh sinjal mis-sema. Dawn kienu ilhom jaraw sinjali li kien jagħmel Ġesù, fosthom tant fejqan li għamel Ġesù. Imma eżatt qabel dan ir-rakkont, hemm ir-rakkont ta’ meta Ġesù għamel il-miraklu li bih tema’ erbat elef ruħ b’seba’ ħobżiet u ftit ħutiet. Bidilhom, u għamilhom ikel biżżejjed għal dawk l-eluf, anzi kien baqa’ wkoll iżżejjed.
Jekk dak ma kienx sinjal, x’sinjal iżjed trid? Imma dawn baqgħu jinsistu għal sinjal mis-sema. Forsi riedu xi ħaġa sensazzjonali? Riedu li jkun hemm ħafna agħa, u ssir xi ħaġa mis-sema? Veru li l-mirakli li għamel Ġesù, li kienu tant mirakli kbar u ma’ tant nies, ma kienx jagħmilhom b’ħafna agħa u storbju; anzi naqraw kultant li lin-nies kien jgħidilhom biex ma jgħidux (eż. Mk 1:44), proprju biex ma joħolqux din is-sensazzjoni.
Imma l-problema ta’ dawn ma kinetx is-sinjali, imma kienet huma.
Għax huma, dawn il-Fariżej, kienu nies rashom iebsa, moħħhom magħluq u qalbhom magħluqa għal dak li jfisser Ġesù, għal dak li jgħid Ġesù u għal dak li jagħmel Ġesù. Jgħid x’jgħid Ġesù, kien inutli għalihom, ma jaċċettawhx, anzi jgħidu l-kontra. U jagħmel x’jagħmel, għalihom ma jfisser xejn. Għalekk dik kienet il-problema. Mhux għax ma kienx hemm sinjali, imma għax huma ma ridux jaċċettaw is-sinjali li kien jagħmel Ġesù. U l-Evanġelju jgħid xi ħaġa importanti: meta dawn bdew iħaqquha ma’ Ġesù, talbuh sinjal mis-sema “biex iġarrbuh” (Mk 8:11) – l-istess kelma li naqraw fir-rakkont tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert meta x-xitan lil Ġesù ried “iġarrbu” (Mt 4:1). Għalhekk l-intenzjoni tagħhom ma kinetx tajba imma kienet għax ma ridux jaċċettaw lil Ġesù.
X’għamel Ġesù? L-Evanġelju jgħid “tniehed tnehida fih innifsu” (Mk 8:12), kważi xaba’, qisu qal “issa daqshekk!” U fil-fatt qalilhom: “ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel”. L-Evanġelju jgħid: “telaqhom, reġa’ tela’ fuq id-dgħajsa, u mar ix-xatt l-ieħor” (Mk 8:13). Min tilef minn dan kollu? Mhux Ġesù li tilef; tilfu huma u n-nies ta’ hemm. Kulfejn mar Ġesù, għamel il-ġid. Jekk mar ix-xatt l-ieħor, biex jagħmel il-ġid ix-xatt l-ieħor. Kienu huma li tilfu meta Ġesù telaq.
Dan l-Evanġelju qasir jagħtina lilna messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Jgħinna biex nagħrfu kemm jiswa li aħna jkollna moħħna miftuħ u qalbna miftuħa għall-kelma ta’ Alla. Għaliex permezz ta’ hekk, aħna nagħrfu mbagħad is-sinjali li Alla jagħmel fil-ħajja tagħna. Kultant jista’ jiġrilna li niġru wara xi ħaġa sensazzjonali, wara xi sinjal li jagħmel agħa; imma meta nagħmlu hekk, jiġrilna li niġru wara dak li ma hemmx, u ma narawx is-sinjali li hemm.
Is-sinjal definittiv ta’ Ġesù kien il-qawmien tiegħu, meta Ġesù rebaħ il-mewt, qam għal ħajja ġdida. Dak hu s-sinjal definittiv li permezz tiegħu taqra mbagħad is-sinjali l-oħra li għamel f’ħajtu. Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej, lilna li għamilna xhieda tal-qawmien tiegħu, nitolbuh biex l-ewwel nett biex aħna jkollna moħħna u qalbna miftuħa għall-kelma tiegħu; biex permezz tal-kelma tiegħu jgħinna nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna; u jgħinna wkoll inkunu tassew xhieda ta’ Kristu Rxoxt, xhieda ta’ Kristu li hu ħaj.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju