L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mk 8:34). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mark, fejn isemmilna dawn it-tliet punti importanti għal kull min irid ikun dixxiplu tiegħu. Huma ta’ sfida għalina, għall-ħajja tagħna, imma huma żgur ta’ għajnuna kbira biex inkunu tassew dawk li nimxu warajh.
Ġesù jgħid “jiċħad lilu nnifsu”. Din forsi ġġibilna mistoqsija: imma lilna ma jgħallmuniex li għandna nfittxu fil-ħajja tagħna l-milja, li għandna niżviluppaw il-kwalitajiet tagħna, li għandu jkollna stima tagħna nfusna? “Tiċħad lilek innifsek” għalhekk hu kontra dan?
Mhuwiex le, mhuwiex f’kuntrast ma’ dan. Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma għandux ikollna stima tagħna nfusna. Ġesù jrid li aħna niżviluppaw it-tajjeb, il-kwalitajiet tajbin tagħna. Imma li qed jgħid Ġesù hu li għandna nagħrfu dak li jfixkel lilna fil-ħajja tagħna, dak li jeħodna f’direzzjoni żbaljata, u hemmhekk ngħidu “le”. Li jkollna l-qawwa, li jagħtina hu, li fejn meħtieġ ngħidu “le” lilna nfusna. Għahekk li ngħidu “le” lill-egoiżmu tagħna, lil dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna. Ħa nsemmi eżempju konkret: ikun hemm xi ħadd li jtellagħhomlok, jew li jdejqek, u int tkun hekk biex tgħidlu ħafna kliem, tinsulentah u tgħajru. Imma mbagħad tigdem ilsienek, u ma tagħmilx hekk. Tgħidlu li għandek tgħidlu b’edukazzjoni u b’rispett. Dik hi ċ-ċaħda tagħna nfusna. Jew inkella xi ħadd jiġi b’somma flus biex jgħaddihielek minn taħt ħalli inti taġevolah u tagħtih xi ħaġa li mhijiex dritt tiegħu. U int jattirawk il-flus, imma tgħid “le” għax irrid inkun onest. Tiċħad, biex int tagħżel dak li hu tajjeb. Insibu tant eżempji fil-ħajja tagħna, fejn hemm bżonn niċħdu dak li nħossu biex ma nħalluhx jiġri bina, jikkmandana, ħalli nagħżlu dak li hu tajjeb.
Jgħid Ġesù wkoll: “min irid jiġi warajja…jerfa’ salibu”. Ġesù jrid li aħna nagħrfu s-salib tagħna biex, bl-għajnuna tiegħu, nerfgħuh anke jekk ifisser għalina sagrifiċċju u tbatija. Innutaw li Ġesù ma jgħidx “jilħaq salib ħaddieħor” imma “jerfa’ salibu”. Jista’ jkun salib minħabba l-mard, jew l-anzjanità, jew anke ċirkustanzi li jiġu u li ma hemmx kontroll fuqhom, li ma tistax tirranġahom, li tagħraf kif tgħixhom bl-għajnuna tiegħu u f’għaqda ma’ Ġesù stess.
Imma rridu nagħrfu tassew dak li hu s-salib tagħna, ħalli ma nagħmlux deċiżjonijiet żbaljati.
Ħa nsemmi eżempju: il-vjolenza domestika. Persuna li d-dar tagħha tkun qiegħda vittma ta’ vjolenza, ta’ swat, ta’ abbuż. X’jiġifieri terfa’ s-salib tagħha? Jiġifieri taċċetta s-sitwazzjoni u tibqa’ hekk, vittma? Le! Li terfa’ s-salib, u għandha salib, huwa li tara x’hemm bżonn tagħmel, bl-għajuna ta’ oħrajn ukoll, biex toħroġ minn din is-sitwazzjoni ta’ abbuż, biex ma tibqax vittma – dak hu s-salib li trid terfa’! Mhux li taċċetta u tibqa’ hekk, imma li tagħraf x’hemm bżonn tagħmel biex ma tibqax vittma ta’ abbuż. Insemmi eżempju ieħor: tifel l-iskola li jkun vittma ta’ bullying minn xi sħabu. X’inhu s-salib? Li jaċċetta u jibqa’ hekk? Li terfa’ s-salib hu li tara x’hemm bżonn isir, bl-għajnuna ta’ diversi, biex ma tibqax vittma ta’ bullying. Għalhekk hemm bżonn nagħrfu tassew is-salib li jkollna biex nerfgħuh bl-għajnuna ta’ Alla.
Ġesù jgħid ukoll: “u jimxi warajja” – “jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja”. Ġesù qed jgħid li huwa hu li għandu jmexxina, il-kelma tiegħu li tagħtina d-direzzjoni fil-ħajja tagħna, biex aħna ma neħdux triq żbaljata imma nimxu warajh biex nimxu tassew fit-triq it-tajba. Tindunaw li dan li qed jgħid Ġesù kultant hu diffiċli, kultant ifisser anke sagrifiċċju għalina. Imma hu jagħtina l-għajnuna biex jirnexxilna nagħmluh ħa nkunu tassew dixxipli tiegħu. Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nkunu tassew dixxipli tiegħu billi niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna u nimxu warajh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju