L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
It-talba, il-karba li għamel dan ir-raġel lil Ġesù kienet: “Għinna u ħenn għalina” (Mk 9:22). Dar-raġel kellu lil ibnu li kellu spirtu ħażin fih. Kien hemmhekk flimkien mal-kotra ta’ nies, u d-dixxipli, u mal-kittieba qegħdin jitkellmu. U Ġesù wasal, kien għadu kif niżel mill-muntanja tat-Trasfigurazzjoni, u jarahom hemm. Dar-raġel ħareġ mill-folla u qallu biex jgħin lit-tifel billi jneħħi minnu l-ispirtu ħażin. Kien diġà tkellem mad-dixxipli, imma dawn ma rnexxilhomx, u għalhekk imur fuq Ġesù.
Lil Ġesù jgħidlu: “Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina” (Mk 9:22). Hija karba, hija talba li ġejja minn qalb muġugħa, għax aħna nafu li dan it-tifel kien bniedem li bata ħafna, u minħabba fih bata wkoll missieru. L-ispirtu ħażin ħabbtu ħafna. Lil Ġesù jgħidlu “jekk tista’”, għaliex hu kien diġà pprova lid-dixxipli tiegħu, u dawn ma rnexxilhomx, u għalhekk jgħidlu “jekk tista’”. U Ġesù jgħidlu: “Jekk tista’! Kollox jista’ jkun għal min jemmen” (Mk 9:23). Qisu ħadha bi kbira li jgħidlu “jekk tista’”. Imma l-missier mal-ewwel beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” (Mk 9:24)
Innutaw il-bidla li seħħet f’dan ir-raġel, il-missier. Għall-bidu, meta resaq lejn Ġesù, resaq lejh bil-ħsieb: ħa nieħu ċans, nipprova lil dan issa; ma rnexxilhomx id-dixxipli, u nara jistax hu. Imma Ġesù għenu biex minn hemm jersaq lejn fidi aktar qawwija, b’mod li jagħmel dik l-istqarrija sabiħa: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”
Nafu li Ġesù, wara din l-istqarrija ta’ fidi, lil dal-bniedem ifejqu u jneħħi minnu l-ispirtu ħażin. Nixtieqkom tinnutaw żewġ affarijiet f’Ġesù. L-ewwel nett, l-awtorità li kellu li jordna lill-ispirtu ħażin biex jitlaq, u dan jitlaq, ikeċċih. Fl-istess waqt ukoll hemm dik l-imħabba kbira li hu juri lejn dan li qed ifejjaq. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid: “qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh” (Mk 9:27). L-awtorità msieħba ma’ mħabba kbira li turi ruħha proprju f’dawn l-azzjonijiet ta’ Ġesù. Ninnutaw ukoll il-kuntrast kbir bejn dan l-ispirtu ħażin li ħlief ħsara ma għamilx – l-Evanġelju jgħid li “minn ċkunitu” (Mk 9:21), u hawnhekk ħabbtu ħafna biex ħareġ, hekk li t-tifel inxteħet għal mejjet u n-nies ħasbu li miet; f’kuntrast ma’ Ġesù li dejjem jagħmel il-ġid kulfejn ikun, u li wera din l-imħabba kbira biex jagħti lura d-dinjità lil dan it-tifel u jagħtih ħajja ġdida. Għax għal Ġesù kull ħajja hija għażiża.
X’nitgħallmu minn din il-ġrajja għal ħajjitna? L-ewwel nett il-qawwa tal-fidi. L-Ittra lil-Lhud tgħid: “Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (Lhud 11:1). Proprju hekk hi l-fidi. Hawnhekk Ġesù jfejjaq wara l-istqarrija tal-fidi ta’ dan ir-raġel. Hija l-fidi li tgħinna nimxu ’l quddiem f’ħajjitna, u tajjeb li nagħmlu ta’ spiss it-talba sabiħa ta’ dan ir-raġel: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” Flimkien ma’ dan, innutaw li Ġesù, meta jidħol id-dar, u d-dixxipli jkellmuh ras imb’ras, jgħidilhom: “Spirtu bħal dak ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb” (Mk 9:29). Għalhekk Ġesù jurina l-qawwa tat-talb, għax it-talb lilna jiftaħna għall-Mulej biex jidħol fina, u bil-qawwa tiegħu lilna jeħlisna minn dak li jfixkilna, mill-ispirtu ħażin fil-ħajja tagħna.
Nitolbu llum lill-Mulej biex isaħħaħ il-fidi dgħajfa tagħna; u nitolbuh ukoll biex jgħinna fit-talb fqajjar tagħna, ħalli aħna jkollna tassew f’ħajjitna, dan l-ispirtu ta’ talb li jixtieq hu minna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju