L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kulħadd mistieden jattendi għaċ‑ċelebrazzjonijiet li ser jippresiedi fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Dawn se jixxandru b’mod dirett fuq TVM, TVMNews+, Radju 103 u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Nhar il‑Ħadd li ġej, 2 ta’ April, fis‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fejn jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Mattew.
Il‑Ħamis, 6 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid-9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra t-Talba ta’ Nofs il-Jum. Din mhux se tixxandar. Fid‑9:30 a.m. jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma. F’din il‑quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu fl‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6:00 p.m., issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, fejn fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.
Il‑Ġimgħa, 7 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑3:30 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑adorazzjoni tas‑salib u t‑tqarbin. Din tixxandar fuq Radju 103, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Is‑Sibt, 8 ta’ April, Sibt il‑Għid, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑8:00 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u tkompli bil‑liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill‑adulti. Din tixxandar fuq TVMNews+ (flok TVM).
Il‑Ħadd, 9 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej.