•  Is-Sibt 10 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-membri żgħażagħ li ġeddew l-impenn tagħhom fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, is-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù.  

    Diversi adoloxxenti u żgħażagħ inġabru għal din l-okażjoni biex iroddu ħajr lil Alla għal dak li rċivew matul is-sajf fil-laqghat u live-ins, fejn wara ġeddew l-impenn tagħhom bħala membri taċ-Ċentru. Il-ġenituri kienu wkoll mistiedna biex jattendu flimkien ma’ wliedhom. Wara l-Quddiesa, saret diskussjoni flimkien mal-Arċisqof, fejn wieġeb għad-domandi taż-żgħażagħ u l-adoloxxenti.
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  •  
  • Is-Seminarju, Tal-Virtù

    10 ta’ Settembru 2016

    L-Evanġelju tal-lum (Lq 15, 1-32) huwa pjuttost twil; huwa mument meta Ġesù jipprova jispjega l-ħniena tal-Mulej billi jagħtina tlett stejjer, jew inkella parabboli, l-aħħar waħda pjuttost twila. Ikollna ngħidu: ‘imma x’jgħaqqadhom dawn it-tlett stejjer?’ Ħalli niftakruhom.

    L-ewwel waħda hija tar-ragħaj li kellu mitt nagħġa, intilfitlu waħda, ħalla d-disa’ u disgħin u mar ifittex dik il-waħda li nitlfitlu. It-tieni parabbola, hija ta’ mara li kellha għaxar muniti prezzjużi ħafna, drakma, intilfitilha waħda u kinset id-dar kollha biex tipprova ssibha. Issib il-munita li ntilfitilha. Fit-tielet parabbola taż-żewġt aħwa, Ġesù jgħid: “dan ibni kien mitluf u nstab” (v. 32).

    Mela jekk ikollna ngħidu: ‘liema hija l-kelma li tgħaqqadhom dawn it-tlett stejjer?’ Xi ħaġa intilfet u reġgħet instabet b’mod dan is-sens ta’ telfa huwa sens veru ta’ dak li aħna nsejħulu dnub, li jbegħedna minn Alla. Meta aħna ma nobduhx, meta aħna ma nimxux fuq il-kmandamenti tiegħu, aħna ngħaddu minn esperjenza tat-telfa, nintilfu. Bil-Malti il-kelma ‘tintilef’ tfisser ukoll li inti per eżempju titlef rasek; ‘ara dan kif tilef rasu’, jew inkella ‘titlef ir-raġuni’. L-għerq tal-verb li titlef huwa profond. Imma l-Mulej fil-proċess li nerġgħu lura, jinsisti wkoll fuq verb ieħor: ‘li tinstab’. Ir-Ragħaj it-Tajjeb isib in-nagħġa li ntilfitlu, ipoġġieha fuq spallejh u ferħan jerġa’ lura għaliex in-nagħġa li ntilfet, instabet. Hekk ukoll il-mara, tagħmel festa, tistieden lill-ħbieb tagħha għax id-drakma, din il-munita prezzjuża li fakkritha f’żewġha, instabet. Fil-parabbola taż-żewġt aħwa, il-Mulej stess jgħid: “dan ibni kien mitluf u nstab”.

    Meta aħna nerġgħu nagħmlu paċi mal-Mulej fis-sagrament tal-Qrar, fir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna, aħna nerġgħu nsibu lil Alla, insibu lil xulxin, u nsibu lilna nfusna. Kultant nitilfu d-direzzjoni, għandna l-espressjoni bil-Malti ‘titlef il-boxxla’. U dan ukoll bid-dnub hekk jiġrilna, nitilfu d-direzzjoni, nitilfu l-boxxla, ma tkunx taf fejn sejjjer jew taqbad triq li se twasslek għat-telfien. Għax it-telfien huwa li tkun mitluf. Imma li terġa tagħmel paċi ma’ Alla, ma’ ħutek, miegħek innifsek, huwa li tinstab. Issib lilek innifsek, issib lil ħutek, u ssib lil Alla.

    San Pawl għandu espressjoni sabiħa fit-Tieni Qari tal-lum: “għax jiena wkoll sibt il-ħniena” (1Tim 1,13). Jien u nsib il-ħniena, ninstab, inħalli lil Alla jsibni, ma nibqax ninħeba minnu, ngħidlu: “hawn jien” bħalma għamel it-tifel iż-żgħir, “hawn jien, dnibt quddiem Alla u quddiemek, m’inix denn” (Lq 15, 21). U jwaqqfu l-missier u jerġa’ jtih id-dinjità li tilef, anzi reġa sab id-dinjità.   

    F’din is-Sena tal-Ħniena, ejjew nirringrazzjaw lil Alla li għalkemm aħna ħafna drabi nintilfu, hu dejjem jerġa’ jsibna, bħal dik in-nagħġa li ntilfet, bħal dik il-munita prezzjuża li ntilfet, bħal dak l-iben mitluf , “ibni kien mitluf u nstab, kien mejjet u reġa’ ġie għall-ħajja”.

    Jiena nirringrazzjakom ħafna, lilkom żgħażagħ u anke l-familji tagħkom talli ġejtu hawnhekk is-Seminarju llum biex nitolbu għall-bżonn tal-vokazzjonijiet. Mhix xi ħaġa awtomatika, lanqas tapplika din, ngħid ‘ħa napplika jien forsi jsejjaħli l-Bambin’. Aħna nfittxu xi ħaġa iżjed profonda. ‘Mulej, għin lil uliedna jistrieħu fil-ħniena tiegħek, hi x’inhi”. Għax aħna dak li nixtiequ: li uliedna jagħmlu r-rieda tal-Mulej, tkun xi tkun, għax jekk hi r-rieda tal-Mulej għalihom, allura hemm l-paċi u hemm il-ferħ. Jekk lilek qed isejjaħlek biex tkun saċerdot, nitolbu biex iż-żgħażugħ jagħraf din is-sejħa u jistrieħ fiha bħala t-triq tal-ferħ u tal-paċi. Min qed isejjaħlu għaż-żwieġ, nawguralu li jsib waħda gustuża u jistrieħ ukoll fil-vokazzjoni, fit-triq tal-ferħ u tal-paċi għaliex dik l-iżjed importanti: li nagħmlu r-rieda tal-Mulej u fl-istess ħin nitolbu wkoll biex is-saċerdoti tal-lum u ta’ għada jkunu ministri, jiġifieri qaddejja, tal-ħniena t’Alla. Dan iħobb jirrepeti ħafna l-Papa Franġisku. Kemm tkun sabiħa li inti meta tħaddan il-vokazzjoni saċerdotali li qed isejjaħlek fiha l-Mulej, u inti tirrealizza li inti qaddej tal-ħniena mhux tas-suppervja jew tal-arroganza, inti imsejjaħ biex tkun qaddej tal-ħniena, twassal il-ħniena t’Alla lil-bniedem bħalma twassal ukoll l-Ewkaristija, il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, il-frott tal-fidwa tagħna, tar-rikonċilazzjoni ma’ Alla, tal-paċi tagħna ma’ Alla, tal-ħniena tiegħu għalina.

    Għalhekk nitolbu llum f’din il-quddiesa, fid-dawl anke tal-kelma sabiħa li għadna kemm smajna biex is-saċerdoti tal-lum, u ta’ għada, ikollhom dan il-ferħ profond li qed jagħtu ħajjithom biex ikunu ministri tar-riokonċiljazzjoni, qaddejja tal-ħniena ta’ Alla.

     Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffċċju Komunikazzjoni, Kurja