• Is‑Sibt 13 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal‑familji, fit‑tielet jum tat‑Tridu għall‑festa ta’ Santa Marija, Ħal Għaxaq.
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħal Għaxaq
    13 ta’ Awwissu 2016
     
    Ippermettuli noffri ħsieb qasir ispirat l-ewwel nett minn din l-okkażjoni sabiħa. Qegħdin fit-tielet Tridu li jwassalna għall-festa tal-Assunta. Napprezza ħafna li stedintuni biex inkun magħkom f’din il-festa solenni li mbagħad tilħaq il-qofol tagħha nhar it-Tnejn.
    Insellmu ukoll lill-koppji miżżewġa li din is-sena qegħdin jiċċelebraw xi anniversarju partikolari imma jiena nixtieq nieħu l-opportunità biex insellem lill-koppji miżżewġin kollha.
     
    “Jiena ġejt biex inġib il-firda” (Lq 12, 51)
    L-Evanġelju tal-lum (Lq 12, 49-53) jitkellem dwar il-firda, u waqt li qed nisimgħuh u ngħaqqduh mal-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw, tiġina l-mistoqsija: imma Ġesù eżattament xi jrid: l-għaqda jew il-firda fil-familja? Addirittura jgħid: “jiena ġejt biex inġib il-firda” (v. 51). Tajjeb li nifhmu li dan l-Evanġelju skont San Luqa nkiteb f’sitwazzjoni partikolari ħafna meta d-dinja Nisranija kienet diġà għaddejja minn persekuzjoni kbira. Kif tafu fl-ewwel żminijiet kien hemm diġà persekuzzjonjiet qawwija. Il-Papa Franġisku jħobb ifakkarna li anke llum ħafna Nsara għadhom jiġu ppersegwitati. Qabel il-Quddiesa ltqajt ma’ Fr Joseph mill-Indja u kien qed jgħidli li fil-missjoni tiegħu nqatlu żewġ saċerdoti tamparu, bħalma nqatel dak is-saċerdot fi Franza u saċerdoti oħrajn madwar id-dinja.
    Fit-Tieni Qari (Lhud 12, 1-4), jekk tiftakru sew, jagħmlilna din il-mistoqsija: “intom fit-taqbida tagħkom kontra d-dnub għadkom ma wasaltux biex ixxerdu demmkom” (Lhud 12, 4). Dan inkiteb f’mument fejn in-Nisrani seta’ jmut biex jixhed għal Ġesù Kristu. Din hija l-firda li tkellem dwarha Ġesù “bejn il-missier u l-iben, l-omm u bintha, omm ir-raġel u mart binha” (Lq 12, 53), għaliex meta qed jinkiteb l-Evanġelju kien hemm familji fejn bdiet dieħla l-firda minħabba Ġesù u l-għadu tiegħu. Hija traġedja meta l-bnedmin f’ambjent ta’ persekuzzjoni ikollhom jagħżlu bejn dik ir-rabta fil-familja li hija qawwija u l-fedeltà lejn Kristu. Ejjew nitolbu biex aħna ngħarfu lil Ġesù, f’dawn is-sitwazzjonijiet tant ta’ swied il-qalb.
     
    Il-Magħmudija tan-nar u l-magħmudija tat-tbatija
    Ġesù jitkellem ukoll dwar ‘nar’ u ‘magħmudija’. Il-Magħmudija aħna ħadnieha meta konna trabi żgħar. Fuq liema magħmudija qiegħed jitkellem Ġesù meta jgħid: “hemm magħmudija u tant għandi dieqa sakemm tgħaddi” (Lq 12, 50). Il-kelma magħmudija tfisser li inti tkun imgħaddas. X’jiġifieri? Il-kelma bil-Grieg baptizó, li tfisser dak li bl-Ingliż jgħidulu full immersion: li inti ‘tgħodos’. Imma liema tbatija qed isemmi Ġesù? Hija t-tbatija tal-Magħmudija u kellu jkun imgħaddas fit-tbatija. Hu jgħid li frott ta’ din it-tbatija hemm nar kbir li jixtiequ jgħaddi. Kont se ngħid x’inhu dan-nar? Imbagħad niftakru li meta l-appostli niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu dehru ilsna tan-nar. F’dawk iż-żewġ mumenti kien hemm Marija preżenti kemm fil-Magħmudija tat-tbatija, Marija kienet preżenti taħt is-salib. “Wieqfa kienet l-omm taħt is-salib ta’ Binha” (Ġw 19, 25). Dik kienet il-preżenza ta’ Marija li lil Binha Ġesù, fuq is-salib ħin minnhom jgħid: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mt 27, 46).  Iħoss li Alla l-Missier qiegħed ħafna l-bogħod minnu, ma setax jgħid hekk għax ommu kienet wieqfa taħt is-salib.         
    Kienet preżenti wkoll meta Hu, l-Irxoxt jitfa’ n-nar fuq id-dixxipli tiegħu, in-nar tal-Ispirtu s-Santu għax nhar Għid il-Ħamsin il-Madonna kienet hemm titlob mad-dixxipli. Kienet preżenti kemm waqt il-Magħmudija, li kienet il-Magħmudija tat-tbatija, preżenti meta l-Mulej tefa’ dan in-nar li tant xtaq li jkun jaqbad. In-nar li jitfa’ fid-dinja, in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu: Spirtu ta’ sabar, Spirtu ta’ għaqda, Spirtu ta’ kuraġġ, Spirtu ta’ pjetà, l-Ispirtu tal-Biża’ ta’Alla, dawk id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu li rċivew uliedna fis-sagrament tal-Griżma u li aħna ngħixuhom kuljum. Xi ħadd jagħmillek xi ħaġa ħażina u inti taħfirlu bi tbatija kbira. L-Ispirtu s-Santu jkun xerrred in-nar tiegħu fil-qalb tiegħek biex issaffieha u jgħanieha bl-imħabba ta’ Alla. Meta inti tgħin lil min hu fil-bżonn, fik qed taqbad il-ħuġġieġa ta’ l-imħabba vera. Tkun qed tixbaħ lil Marija li meta l-Anġlu Gabrijel qalilha: “Qaribtek Eliżabetta se jkollha iben” (ara Lq 1, 36), ma ħasbitx fiha nnifisha: ‘li Omm Alla qed iġġorr lil Binha’, imma marret tiġri fuq l-għoljiet biex tkun ta’ sapport għal Eliżabetta li kienet anzjana.       
    Intom li tħobbu lil Marija Assunta, itolbuha biex dawn iż-żewġ affarijiet li l-Mulej isemmi fl-Evanġelju tal-lum: il-magħmudija tat-tbatija u anke n-nar li jixtieq iqabbad, intom tgħixuhom flimkien maghħa u bl-għajnuna tagħha, għax hi kienet preżenti fiż-żewġ mumenti. Din hija xi ħaġa importanti wkoll għall-familji tagħna. Il-familji tagħna se jgħaddu mill-magħmudija tat-tbatija – tafu li mhux faċli żżomm il-fedeltà fiż-żwieġ illum, mhux faċli trabbi t-tfal, mhux faċli tevita’ s-separazzjonijiet fil-familja, għax kulħadd milqut minn din it-traġedja, minn dan l-għawġ. Mingħajr ma niġġudikaw lil ħadd, ejjew nitolbu biex ikun hemm iżjed għaqda fil-familja.
     
    Nieħdu ħsieb il-ħajja tal-familja
    Tafu bil-parir ta’ San Ġorġ Preca lit-tabib Spiteri qabel iżżewweġ, tliet kelmiet qallu “Sinjur, paċenzja, paċenzja, paċenzja”.  Qallu: “iktibhom fuq il-blata ta’ kull bieb li għandek id-dar”. It-Tabib Spiteri kien iħobb jgħid: “kellu raġun, kemm trid tieħu paċenzja”. Imma intom tgħiduha lil xulxin, tħarsu lejn xulxin, titbissmu, tħarsu f’għajnejn xulxin u tgħidu: “kemm kellna nieħdu paċenzja, jekk mhux b’xulxin, bit-tfal”. Dawk li għalik huma l-ġojja ta’ ħajtek, jafu wkoll ikidduk. Meta jkunu żgħar mod, u meta jikbru mod ieħor. Kemm nisma’ min jgħid: “aħjar meta kienu żgħar, għax meta jkunu kbar ma jkollokx kontroll fuqhom”, m’hemmx gażaża li inti tista tikkalmah biha jekk jaqbad jibki. L-aħwa, nagħmlu ħilitna biex il-ħajja tal-familja nieħdu ħsiebha għaliex il-familja mhux biss il-bejta tal-imħabba imma hija wkoll l-ambjent ideali fejn tibda l-ħajja.            
     
    Ħsibijiet mill-Ittra Pastorali
    Aħna l-Isqfijiet llum tajna messaġġ lid-djoċesijiet tagħna; fiha xi ħsibijiet importanti. L-ewwel nett kif wieħed iħares lejn il-bidu tal-ħajja. Il-ħajja tibda fit-tnissil: meta ż-żerriegħa tar-raġel tiltaqa’ mal-bajda tal-mara u dak kollu li jiena nagħmel biex noqtolha dik il-ħajja, huwa kontra r-rieda tal-Mulej għax il-ħajja li tibda mat-tnissil, hija rigal tal-Mulej lid-dinja. Dik hija ħlejqa umana li tibda tikber fil-ġuf tal-omm għal disa’ xhur u se titwieled jekk Alla jrid. Jekk hemm xi mediċini, jekk hemm xi pilloli li l-ħajja jistgħu joqtluha, għandek id-dritt tistaqsi: ‘dik il-pillola x’tagħmel? Il-ħajja fil-bidu tagħha se tarmieha? Mela ma rridhiex, no way’. Aħna l-Insara quddiem il-bidu tal-ħajja, irridu nitgħallmu ngħidu: ‘no, thank you, mhux għalina dik’. Għax inti m’intix is-sid tal-ħajja.                                   
    Il-ħajja hija rigal ta’ Alla u għal kull bniedem, anke jekk ikun fil-magħmudija tat-tbatija, m’għandux jedd fuq il-ħajja tiegħu. Għax din hi l-moda: b’ħajti nagħmel li rrid. Jekk int verament Nisrani ibqa’ emmen li ħajtek hija tiegħek għax tagħtieha lil ħaddieħor, imma ingħatatlek b’rigal minn għand Alla, allura ma tistax ittemmha kif u meta trid inti. Aħna qed ngħidu wkoll: għandek id-dritt tgħid: ‘jiena ma rridx intawwal it-tbatija għal xejn, jiena ma rridx naċċetta terapija inutli, irrid inħalli l-kors tan-natura jimxi hu, imma li ttemm ħajtek, le. Il-bniedem li qed jgħum fi tbatija kbira, aħna l-Insara x’se nagħmlu? Inħarsu lejh, ngħidulu: ‘nitlob għalik biss?’. Flimkien mal-Hospice f’Malta qed inniedu din id-Dar tal-Ħniena fejn min qiegħed għaddej minn tbatija kbira, minn marda terminali, ikun jista’ jmur hemmhekk għal żmien ta’ mistrieħ jew inkella, hu u jistenna lill-Mulej isejjaħlu, jirċievi l-kura neċessarja li ttaffilu t-tbatija. Inti għandek d-dritt li ttemm ħajtek bid-dinjità mhux minsi u ħadd ma jaf bik. 
     
    Aħna l-Insara rridu nirbħu t-tbatija
    Kif ħamsin sena ilu għamilna d-Dar tal-Providenza, għal nies b’diżabilita, illum il-Knisja flimkien mal-Hospice Movement qed naħdmu flimkien, għax bħalissa m’hawnx servizz għalihom, ħaġa sabiħa li jingħata fil-familji u ħaġa sabiħa li din tkompli, imma hemm persuni jibżgħu għax huma weħidhom. Se nsibulhom dar sabiħa mdawwra bil-ġonna fejn jgħixu bid-dinjità u din hi r-risposta tagħna u mhux nikkundannaw u ngħidu: ‘x’għarukaża’. Aħna l-Insara rridu nirbħu t-tbatija, din il-magħmudija tat-tbatija, li xi wħud minnha jridu jgħaddu minnha, għaliex le?  Għandna qalbna magħhom, imma dawn m’għandhomx jedd jgħidu: ‘jiena llum se ntemm ħajti’ jew inkella nitlob lit-tabib jagħtini l-injection biex immut. Biex ittaffi t-tbatija iva, imma biex toqtol lilek innifsek le.
     
    Mhux it-tieġ, imma ż-żwieġ huwa l-importanti
    Jiena nixieq nawgura lilkom, għeżież koppji Għaxqin li għandkom il-patroċinju ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema u anke ta’ San Ġużepp biex intom titgħallmu mill-familja ta’ Nazzaret, is-sbuħija ta’ dan in-nar tal-imħabba li għidtilkom, fl-istess ħin fil-magħmudija tat-tbatija. Ejjew nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna speċjalment dawk li qegħdin jippreparaw għas-sagrament taż-żwieġ. Kultant nisma’ żgħażagħ jgħiduli : ‘aħna m’aħniex interessati fiż-żwieġ, l-ewwel nett għax tidħol f’dejn tagħmel xi ħames snin biex tħallsu, imbagħad  niġġieldu, tiġi siegħa ħażina u nqattgħu l-karti’. Ir-risposta tagħna l-Insara x’se tkun? Min hu Nisrani – ħa nitkellem ċar, jekk m’hawnx iż-żgħażagħ wassluhielhom – in-Nisrani meta jiċċelebra t-tieġ jiċċelebraw is-sagrament, mhux party li jfaqqar lill-familja. Nevitaw l-ispejjeż żejda! Issa n-Nisrani jiċċelebra, jagħti offerta lill-fqar imma ma jagħmilx balla dejn biex jagħmel festa ta’ tieġ. Dak mhux stil Nisrani, mhux it-tieġ, imma żwieġ, iż-żwieġ! Il-fedeltà lejn xulxin li inti ma tkunx ħsiebek fl-oħrajn imma l-ħarsa tiegħek tkun ħarsa safja lejn martek jew lejn żewġek. Iż-żwieġ huwa li inti tfittex is-serħan tiegħek u mhux titkellem ma’ ħaddieħor, imma ma’ martek, ma’ żewġek.
     
    Iċċaħħdux lil xulxin
    Jiena nieqaf bil-kelma tal-Appostlu Missierna San Pawl: “iċċaħħdux lil xulxin” (1Kor:7:5) li qed jgħidha għall-miżżewġin mhux għal qassisin: “iċċaħħdux lil xulxin”. F’sitwazzjoni fejn lil żewġek ma tarah qatt, jew lil martek ma taraha qatt, qed iċċaħħdu lil xulxin. Iċċaħdux lil xulxin, mhux dejjem moħħok f’affarijiet fejn qatt ma tista’ tkun preżenti. Komplu dejjem ma’ xulxin f’kull aspett tal-ħajja tagħkom biex ma tpoġġux lil xulxin fit-tentazzjoni. Nitolbu għal uliedkom u ulied uliedkom u jiena nixtieq insellem lin-nanniet – il-Papa Franġisku jħobbhom ħafna lin-nanniet – għax huma dawk li jistgħu jagħtu l-fidi. Il-ġenituri ħafna drabi jkollhom wisq x’jagħmlu, in-nanniet jgħaddu l-fidi lin-neputijiet. Nawguralkom bil-qalb festa sabiħa, ċelebrazzjoni sabiħa, tgħallunix, m’hemmx inkwiet, iċċelebraw, ħudu pjaċir u Viva Maria Assunta.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja; Carmelo Caruana