Id-Direttur ta’ Missio Malta, Rev. Victor Agius, attenda l-Assemblea Ġenerali Annwali tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji f’Ruma ix-xahar li għadda. Għal-laqgħa annwali jattendu 120 direttur nazzjonali mill-missjonijiet minn madwar id-dinja, sabiex jiddiskutu suġġetti varji, inkluża strateġija relatata mal-operat tal-organizzazzjoni dinjija.

Din is-sena, it-tema magħżula kienet iċċentrata fuq l-importanza tal-evanġelizzazzjoni bħala parti mill-ħajja tan-Nisrani. “Hija r-responsabbilità ta’ kull Nisrani mgħammed, li jgħix u jippriedka l-Vanġelu permezz tal-għemil kuljum,” qal Rev. Victor Agius, id-Direttur Nazzjonali ta’ Missio Malta. “Fi żmien meta fid-dinja hawn tant bżonn ta’ fejqan, organizzazzjonijiet bħal Missio jieħdu l-inizzjattiva sabiex jipprovdu għajnuna spiritwali kif ukoll materjali lil dawk fil-bżonn.

L-Assemblea Ġenerali Annwali tipprovdi opportunità sabiex terġa’ titħeġġeġ fina l-ispirazzjoni u l-passjoni lejn il-valuri ċentrali ta’ Missio. Fuq kollox, il-messaġġ prinċipali tal-assemblea kien li kulħadd għandu jirsisti sabiex jissaħħaħ is-sens ta’ familja u l-kompassjoni madwar id-dinja,” qal Rev. Agius.

Dan kien ukoll il-messaġġ tal-Qdusija Tiegħu il-Papa, waqt l-udjenza speċjali li kellu mad-Diretturi ta’ Missio. Il-Papa Franġisku għamel referenza għall-festa maħbuba tal-Qalb ta’ Ġesù, li tiċċelebra l-imħabba ta’ Alla għall-umanità, u li għandha tispirana sabiex ngħixu fl-ispirtu tal-imħabba infinita ta’ Alla. Huwa stieden il-membri ta’ Missio sabiex ikomplu jwasslu lil kulħadd il-ħniena u l-kompassjoni tal-Qalb ta’ Ġesù filwaqt li fakkar li, ‘il-Komunità Kristjana hija missjunarja fin-natura tagħha.”

“Kull Kristjan irċieva d-don tal-Ispirtu s-Santu u huwa mibgħut sabiex ikompli l-ħidma ta’ Ġesù, fit-tħabbir tal-ferħ tal-Evanġelu, u l-konsolazzjoni f’bosta sitwazzjonijiet ta’ uġigħ tal-istorja.”

Il-qalb tal-missjoni evanġelika tal-Knisja, għalhekk hija li “tasal għand kulħadd permezz tad-don tal-imħabba infinita ta’ Alla, li tfittex lil kulħadd, li tilqa’ lil kulħadd, li noffru ħajjitna lil kulħadd, mingħajr ma neskludu lil ħadd,” ikkonkluda l-Papa.

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle mexxa quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, u wara, il-Papa Franġisku rċieva membri tal-kongregazzjoni f’udjenza privata speċjali. Il-Missjologu Rev. Andrew Recepciòn mill-Università Pontifiċja Gregorjana mexxa konferenza bit-titlu “is-Sinodalità u l-Missjoni”, fil-Kulleġġ Mater Ecclesiae ta’ Kastell Gandolfo. Pellegrinaġġ għall-membri tal-assemblea għas-Santwarju Franġiskan ta’ Greccio fl-Umbrija kkonkluda l-assemblea.

Ritratt: vatican.va