Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn id-Dar tal-Knisja għall-Anzjani Familja Mqaddsa u l-General Workers Union (GWU). Il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-2015 u l-2019, ġie ffirmat mis-Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u mis-Sur Jeremy Camilleri, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU.
Il-ftehim jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għal ħaddiema kollha, speċjalment il-gradi ta’ taħt, fosthom żidiet bl-arretrati fis-salarji u fix-shift allowances, u bonus bħala rikonoxximent għal servizz twil lejn id-Dar.
Il-ftehim ġie ffirmat ukoll minn Monsinjur Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, u s-Sur Andre Vassallo Grant, Direttur għad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, min-naħa tad-Dar, u mis-Sur Kendrick Bondin, assistent segretarju, min-naħa tal-GWU. Il-ftehim ġie approvat mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan, ippresedut mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.