Bl-għan li l-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta tibda sservi bħala ‘santwarju’ ta’ Santa Gianna Beretta Molla f’Malta, se tiġi inawgurata pittura li tirraffigura proprju lil din it-tabiba qaddisa Taljana li 61 sena ilu għażlet li tmut hi biex issalva t-tarbija tagħha.

F’kunċert ta’ mużika sagra li se jinżamm f’din il-knisja fil-25 ta’ Lulju li ġej, bejn it-8pm u d-9pm, u li se jinkludi fost l-oħrajn il-premier dinji ta’ A prayer of Saint Gianna tal-kompożitur Kattoliku Ingliż Matthew Ward, Dr Mark Agius M.D., Rettur tal-Konfraternità tal-Karmelu tal-Belt, se jagħti din il-pittura biex titqiegħed għall-qima fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

“Qed nagħtu din il-pittura bħala donazzjoni biex inqimu lil Santa Gianna Beretta Molla u nfakkru wkoll l-eluf ta’ nisa, f’Malta u madwar id-dinja, li bħal Santa Gianna jagħżlu li jpoġġu l-ħajja tat-tarbija l-ewwel meta jagħmlu intervent waqt diffikultajiet fit-tqala tagħhom,” qal Dr Agius.

Hu żied li b’din il-pittura jixtieq ifakkar ukoll il-memorja ta’ eks studenta tiegħu, Rachael Ward, li mietet f’daqqa fl-2021 meta kienet għadha bil-leave tal-maternità wara li welldet it-tielet tarbija tagħha, u ma kinitx ilha ħafna snin tabiba.

Rachel, li tiġi mart il-kompożitur Matthew, kienet ukoll devota ta’ Santa Gianna. “L-għażliet tagħha fil-ħajja, bħal Santa Gianna, il-qaddisa favorita tagħha, dejjem kienu determinati mill-fidi Kattolika profonda tagħha,” ikkummenta Dr Agius.

Għall-kunċert, li fih ħa jieħdu sehem is-soprani Hannah Tong u Michalea Agius, u l-mużiċisti Jacob Portelli u Laetitia Troisi De Menville, se jkunu preżenti wkoll Catherine Darlison, oħt Rachael Ward, u Matthew, ir-raġel ta’ Rachael. Fi tmiem il-kunċert titbierek il-pittura ġdida.

Id-dħul għall-kunċert hu b’xejn, imma jintlaqgħu donazzjonijiet ukoll b’riżq Dar Tgħanniqa ta’ Omm.

Sors: Newsbook.com.mt