Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Kol 1:24 – 2:3
Salm:
61 (62):6-7,9

L-Evanġelju: Lq 6:6-11

F’jum is-Sibt Ġesù daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.

Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs!”. Dak qam u ħareġ fin-nofs. U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”. U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek!”. Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.

Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.