L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Mulej Ġesù f’dan il-Ħadd ta’ matul is-sena qiegħed jistedinna biex nieħdu ħsieb xulxin u jagħtina l-eżempju ta’ meta wieħed minna jiżbalja u kif għandu jkun l-atteġġjament tagħna. Hu  jagħtina suġġeriment li nimxu bil-kalma u bil-mod. Jgħidilna: “Mur sibu waħdu u widdbu. Jekk imbagħad ma jismax ħu żewġ aħwa miegħek u jekk ma jismax mur għand il-ġemgħa, għand il-Knisja” (Mt 18:15-17).

Huwa atteġġjament ta’ korrezzjoni li nikkoreġu ’l xulxin li huwa mmarkat mill-imħabba, ngħid ukoll bir-rispett tal-libertà ta’ dak li jkun. Ġesù ma jitkellimx fuq it-tgħajjir jew fuq il-kalunja jew fuq li nweġġgħu lil xulxin. Widdbu bil-kwiet.

It-tieni stadju huwa: ħu miegħek xi aħwa, imbagħad irreferih għall-Knisja u fl-aħħar meta jgħid qisu bħala wieħed mill-pagani u l-Pubblikani qed jgħid li m’hemmx x’tagħmel, tirrispetta l-għażla tiegħu. Imma dan ma jfissirx li l-ħażin sar tajjeb. Ġesù qed jgħallimna nieħdu ħsieb xulxin billi ngħinu lil xulxin nagħmlu għażliet tajba.

Kultant tiġina t-tentazzjoni, anke fil-familja, nikkoreġu ’l xulxn bir-rabja, b’naqra aggressività. Mill-esperjenza nifhmu wkoll li ma tasal imkien. Biex tgħin lil ħuk jew ’l oħtok ibiddlu fehmthom, irid irid ikollok ħafna paċenzja u anke ħafna umiltà għax ħadd mhu perfett.Jekk irrid ngħidlek kelma li forsi mhix se togħġbok u se toqorsok fil-laħam il-ħaj, m’għandix ngħidhielek b’arroganza jew b’kattiverja. Għaliex? Għax jiena dgħajjef u midneb bħalek. Jekk nibdew minn dik il-persważjoni, il-korrezzjoni ta’ bejnietna jkollha togħma aħjar.

Ikun hemm min jirraġuna: “’Xi tridu dak l-inkwiet? Mhux aħjar tagħlaq għajnejk u ħalqek ukoll?’ Ġesù ma jgħidilniex hekk. Ġesù jgħidilna biex fejn qed tara xi ħaġa li mhix tajba, tkellem. Imma hemm mod u mod kif titkellem. Il-korrezzjoni bit-tgħajjir ma twassal għal imkien; mhix espressjoni ta’ mħabba. Ġesù qed jgħallimna li anke meta ngħidu li xi ħaġa mhix sewwa, hemm mod kif tgħidha. Ġesù jgħallimna wkoll li dak li hu ħażin ma nistgħux ngħidulu tajjeb. Din insibuha fil-familja, fuq il-postix-xogħol, fis-soċjetà, u f’kull oqsma. Imma hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq il-Knisja għax id-diskors tiegħu hu għalina l-komunità li nemmnu. Jekk hemm xi affarijiet x’nirranġaw, nirranġawhom bir-rispett u bil-kwiet, imma żgur mhux billi nagħlqu għajnejna.

Punt ieħor li qed ifakkarna Ġesù huwa l-qawwa tat-talb tal-komunità u jgħidilna: “Jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien, biex jitolbu xi ħaġa, Missieri fis-smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18:19).

L-ewwel nett ejjew nitolbu l-grazzja li nitolbu tassew flimkien; li aħna nkunu ruħ waħda u qalb waħda. Mhux kulħadd bilfors jara l-affarjiet bl-istess mod imma ejjew inħarsu lejn ommu Marija Reġina li ġabitu fid-dinja, u nitolbuha tgħinna biex it-talb tagħna jkun talb ħerqana flimkien. Ċertament li l-Mulej jisimgħu dan it-talb. Kultant ngħidu li xi drabi nkunu tlabna għalxejn, għax il-Mulej ma jkunx semgħu t-talb tagħna. Imma nistaqsu lilna nfusna xi tlabna, kif tlabnieh u b’liema interess. L-aħwa, ma ninsewx li meta Ġesù għallimna nitolbu, għallimna wkoll ngħidulu: “ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art”.

Qalilna wkoll li fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismu — bħalma qegħdin illum aħna f’isem Ġesù — hemm ikun Ġesù f’nofsna. L-aħwa, aħna rridu nemmnu li meta aħna, bħala l-komunità, niltaqgħu f’isem Ġesù — u mhux bilfors fil-knisja — Ġesù jkun f’nofsna, ninsimgħuh ikellimna. Fil-fatt dalwaqt ikun fostna fl-Ewkaristija.

Preżenza sabiħa oħra ta’ Ġesù f’nofsna hija s-saċerdot magħżul, minkejja d-difetti tiegħu. Hu kkonsagrat biex ikun il-preżenza ta’ Ġesù fostna. Għażiż Dun Anthony Fitzpatrick, jiena nawguralek li f’nofs din il-komunità tal-Marsa ddedikata lil Marija Reġina, inti tkun il-preżenza sabiħa ta’ Ġesù. Meta jkollok bżonn tgħidilna kelma, għidilhielna, imma għidhielna bl-imħabba għax aħna hekk se nagħmlu wkoll għax il-kelma li tana Ġesù tgħodd għal kull wieħed u waħda minnna.

Nitolbu li fl-esperjenza li nkunu flimkien ikollna l-esperjenza tal-preżenza ta’ Ġesù. L-aħwa, inħarsu lejn Ġesù u ma nitfixklu qatt. Aħna nitolbu wkoll għas-saċerdoti tagħna biex il-Mulej iżejjinna b’saċerdoti qaddisin, umli, ubbidjenti, u rżina.

Nieħu l-okkażjoni wkoll nirringrazzja lill-Aħwa Franġiskani Kapuċċini tas-snin twal ta’ servizz li taw f’din il-komunità. Jalla x-xogħol kollu li għamlu l-Aħwa Franġiskani Kapuċċini f’din il-parroċċa li tawha titwieled u timmatura, jibqa’ jkollu frott fil-Mulej Ġesù. Nafda lil Dun Anthony, nafda lilkom għeżież Marsin ta’ din il-parroċċa, fl-interċessjoni qawwija ta’ Marija Reġina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 33:7-9
Salm: 94 (95), 1-2.6-7.8-9
Qari II: Rum 13:8-10
L-Evanġelju: Mt 18:15-20