Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar it-Tlieta 15 ta’ Awwissu 2023 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli.
Din hija s-sitt darba li qed isir dan il-pellegrinaġġ minn żewġ parroċċi ddedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa solenni tagħha li huwa wkoll btala pubblika.
Is-sewwieqa tal-muturi huma mistiedna jinġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr fid-9:15 am. Il-pellegrinaġġ jitlaq fl-9:45 am. Mal-wasla f’Ħad-Dingli, ħdejn il-Knisja Arċipretali jsir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa jingħataw tifkira. Is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-quddiesa fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli li tibda fil-11:00 am.
Din is-sena, din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn u għajnuna għas-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt.