Il-Malta Airport Foundation ħabbret li ser tkun qiegħda tappoġġja parti minn proġett ta’ tisbiħ fil-Knisja ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop, permezz ta’ investiment f’għadd ta’ xogħlijiet artistiċi għall-kappellun tal-Kurċifiss fuq il-lemin.

Dawn ix-xogħlijiet, li ġew ikkummissjonati lill-artist Anthony Spagnol, huma maħsubin biex jikkumplimentaw l-iskema dekorattiva eżistenti tal-knisja mpittra fis-sittinijiet minn Giuseppe Briffa, li huwa meqjus fost l-esponenti ewlenin tal-arti sagra fil-gżejjer Maltin.

L-għażla tal-artist għal dan il-proġett ġiet segwita minn studji bir-reqqa u konsultazzjonijiet ma’ diversi persuni intiżi fl-arti sagra sabiex setgħet tintgħażel tema rilevanti għal żminijietna li, fuq livell estetiku, tkompli ssebbaħ il-Knisja ta’ San Leonardu u, fuq livell liturġiku, toħloq ambjent li jħeġġeġ ir-riflessjoni u l-formazzjoni spiritwali.

“Nemmnu li dan il-proġett għandu valur kbir għar-raħal ta’ Ħal Kirkop, li huwa tant viċin l-ajruport. Barra minn hekk, is-serjetà li biha twettaq ix-xogħol ta’ tħejjija u l-ħsieb wara l-għażla ta’ ċerti temi, li ġew imfaħħra wkoll mill-Kummissjoni tal-Arti Sagra fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof, aċċertawna li l-prodott finali ser ikompli jarrikkixxi l-wirt artistiku tal-gżejjer tagħna,” qal iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation Josef Formosa Gauci.

Is-Sur Formosa Gauci esprima wkoll is-sodisfazzjon tal-Malta Airport Foundation bl-għażla tal-artist Anthony Spagnol, li miegħu l-Fondazzjoni diġà ħadmet fil-kapaċità tiegħu ta’ konservatur tal-pitturi fuq il-konservazzjoni u r-restawr ta’ kwadru ta’ Mattia Preti fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra fiż-Żurrieq.

“Din hija opportunità fejn nista’ nesprimi arti sagra figurattiva. Konxju ħafna li dak li nesprimi jrid jikkonforma mal-istil tal-pittura ta’ Giuseppe Briffa, li żejjen il-korsija, il-kor u l-koppla ta’ din il-knisja. Fl-istess waqt, l-espressjoni artistika attwali trid tkun waħda aġġornata li tirrifletti żmienna kif xieraq fit-tematika u l-eżekuzzjoni. Xogħol bħal dan ma jirrikjedix biss teknika pittorika tajba imma anki riċerka tas-suġġett u l-attwalità tal-ġrajjiet imsemmija għad-dinja tal-lum,” qal l-artist Anthony Spagnol.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross kif ukoll il-Kappillan ta’ Ħal Kirkop Dun Martin Cardona esprimew l-apprezzament tagħhom kemm lejn il-Malta Airport Foundation u kemm lejn l-artist ta’ dan il-ġest ferm nobbli lejn il-komunità Koppija, li ser jgħin sabiex tkompli tiġi apprezzata l-arti sagra.

Sabiex l-arti li ser tinħoloq tfakkar li l-ħajja eżemplari li kien jgħix San Leonardu fil-Medju Evu għad għandha rilevanza llum, għall-pendenti ntgħażlu għadd ta’ qaddisin u beati kontemporanji, bħal Gianna Beretta Molla (1922-1962) u Christian de Cherge (1937-1996), li wkoll għamlu għażliet kuraġġużi u ta’ ispirazzjoni għal min għandu għal qalbu t-tagħlim tal-Knisja.

Għal-lunetti, imbagħad, hemm maħsub li jiġu rrappreżentati l-opri tal-ħniena, f’kappellun minnhom dawk li jmissu r-ruħ u fil-kappellun l-ieħor dawk li jmissu l-ġisem, bl-opra tal-ħniena ‘żur il-ħabsin’ żgur li tfakkar fil-mogħdrija ta’ San Leonardu lejn dawn il-membri tas-soċjetà.

Dan il-proġett huwa mistenni jingħata bidu b’xogħlijiet fuq il-kappellun fuq il-lemin ladarba jiġu approvati l-buzzetti li ħejja l-artist mill-Kummissjoni tal-Arti Sagra fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof.

Dawn il-buzzetti ser jiġu ppreżentati lill-komunità ta’ Ħal Kirkop waqt il-quddiesa solenni kantata ta’ nhar il-Ħadd li tibda fid-9.30 ta’ filgħodu fl-okkażjoni tal-festa ta San Leonardu.

Sors: newsbook.com.mt