Jamie Farrugia, żagħżugħa ta’ 24 sena minn ŻAK Birżebbuġa spjegat kif minn dejjem xtaqet li titla’ l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ (JDŻ). Hi tiftakar meta daħlet membru maż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika u semgħathom jgħidu li kienu għadhom kemm marru Krakow fl-2016; kemm kienet esperjenza sabiħa u kemm iltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra. Ftit snin wara kienet saret il-Panama, u wara faqqgħet il-pandemija, u tiftakarha tistaqsi lilha nnifisha jekk qatt hux se jkollha ċ-ċans li tara lill-Papa Franġisku. Fortunatament fl-2022 il-Papa ġie jżurna f’Malta propju hu stess, però hi ħassitha li dawn il-mumenti ma kinitx ippreparata sew, għaddew malajr ħafna, u donnha ma kinitx fehmet eżatt xi tfisser li tkun fil-preżenza tal-Papa. Għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ kienet storja differenti, mill-bidu sal-aħħar. Apparti l-antiċipazzjoni kbira li kellha għal sena sħiħa, msejsa b’diversi laqgħat u riflessjonijiet bħala grupp, dan l-ispirtu kompla jissaħħaħ malli waslu Lisbona ġewwa l-Portugal.
L-ewwel tlett ijiem kienu ffukati fuq il-katekeżi, sessjonijiet fejn il-pellegrini rriflettew fuq is-soċjetà, fuq il-mixja u s-sejħa tagħhom li qed jipparteċipaw b’mod attiv f’għaqdiet reliġjużi taż-żgħażagħ. Iktar minn hekk irriflettew fuq dan il-mument tal-preżent, x’wassalhom biex ikunu hemmhekk? X’inhi s-sejħa tagħhom fil-JDŻ?
Meta laqgħu lill-Papa Franġisku ġewwa Parque Eduardo VII, Jamie spjegat li kienet esperjenza differenti ferm minn dik li kellha Malta. Din id-darba, ħassitha li kienet qed tifhem ftit iktar is-sinifikat tal-Kap tal-Knisja għaddej minn quddiemha. Il-barka tiegħu, il-kliem li qalilhom, kienet qed taċċettah b’qalb iktar miftuħa, flimkien ma’ miljun aktar żgħażagħ minn madwar id-dinja li kienu kollha hemmhekk bi ħġarhom f’isem il-paċi u l-imħabba.
Għalkemm m’għamlitx ħafna konnessjonijiet personali li wieħed imdorri jagħmel f’xi Youth Exchange jew f’xi korsijiet ta’ taħriġ barra mill-pajjiż, kien hemm ħafna mumenti żgħar li baqgħu f’qalbha. Mumenti bħal meta familja Brażiljana daret tgħannaqha imbikkmin wara li għadda l-Papa. Mumenti ta’ ferħ u enerġija pożittiva hekk kif żifnet u kantat ma’ żgħażagħ oħrajn. Il-mument ta’ silenzju jidwi, hekk kif miljun u nofs ruħ niżlu għarkupptejhom quddiem l-Ewkaristija f’Campo da Graça. Ma jonqosx il-kliem tal-Papa, li fis-sempliċità tiegħu, mess il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Kien hemm ħafna iktar mumenti minn dawn, li għamlu din l-esperjenza ġewwa l-Portugal waħda li mhu se tinsa qatt.
Jamie tammetti, li meta oriġinarjament iddeċidiet li titla’ l-JDŻ, telgħet għal għanijiet personali. Ħasset li din kienet l-esperjenza li kellha bżonn biex issaħħaħ il-fidi, ħasset dan in-nuqqas spiritwali li kien kiber ħafna, b’mod speċjali fi żmien il-pandemija. Madankollu, il-JDŻ offrietilha bil-wisq iktar milli qatt ħasbet. Dan il-vjaġġ li hi ħasbet se jkun wieħed personali, fetħilha għajnejja għal realtajiet ġodda, il-kobor tal-komunità Kristjana u l-għatx li għandhom iż-żgħażagħ għal konnessjoni vera u sinċiera. Filwaqt li hi grata li setgħet tesperjenza l-JDŻ, grata iktar li tista’ taqsam din l-esperjenza ma’ oħrajn u tispera li tkun ta’ ispirazzjoni, biex nies oħra ukoll isegwu kliem il-Papa fejn iħeġġiġna biex nħaddnu s-Smigħ, id-Dija, u l-Kuraġġ!
Naomi Galea ta’ 19-il sena minn ŻAK Mosta, spejgat kif hi ukoll għexet l-esperjenza ta’ ġimgħa ta’ ferħ, hena, għaqda u spiritwalità tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Matul il-ġimgħa ltaqgħet ma’ nies minn madwar id-dinja kollha li kienu Lisbona għall-istess għan; biex jaqsmu l-ferħ tal-fidi tagħhom flimkien. Din l-esperjenza kienet ta’ sorpriża kbira għaliha għax kien vjaġġ uniku li ftit ikollhom l-opportunità jesperjenzaw u jgawdu, li jesprimu l-fidi tagħhom b’mod ħieles mingħajr preġudizzji. Waqt dan il-pelligrinaġġ kien hemm żewġ mumenti li laqtuha ħafna u li Naomi se tibqa’ tgħożż għall-ħajjitha kollha.
L-ewwel mument esperjenzatu waqt il-paċi fil-quddiesa tal-ftuħ. Hi spjegat kif persuni ġejjin minn tant pajjiżi differenti, minn oqsma tal-ħajja differenti, kienu qed jgħannqu lil xulxin b’tant sinċerità u mħabba li taqbeż kull forma ta’ ostaklu lingwistiku jew kulturali, ġabitilha tant paċi u ferħ li ma tistax tispjegah. Tista’ biss tispjega dan il-mument bħala t-tifsira tal-paċi vera. It-tieni mument kien waqt kunċert tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fejn il-qassis kantant Fr. Rob Galea beda jkanta innijiet ta’ mħabba u devozzjoni lejn Alla u l-udjenza bdiet tkanta u tgħajjat flimkien miegħu dwar l-imħabba li huma għandhom lejn Alla. Dan kien mument rari, għax bosta huma dawk li jridu jaħbu l-fidi tagħhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, imma li tara tant nies jesprimu din l-imħabba lejn Alla hija verament indimentikabbli.
Qalb dan kollu, Naomi tħoss li din l-esperjenza għenitha tqabbad il-ħuġġieġa li hija l-fidi tagħha. Kienet l-enerġija li hi stess qas kienet taf li kellha bżonn. Esperjenza li se tħares lura u tiftakar fiha meta tħoss li nkun għaddejja minn żmien diffiċli. Il-Ħadd, fl-omelija tiegħu l-Papa emfasizza tlett punti, iddu, isimgħu u tibżgħux! Dawn il-kelmiet laqtuha għax huma l-mod ta’ kif tista’ tgħix ħajja libera u ta’ ferħ permezz ta’ Kristu.
Luca Muscat, żagħżugħ ta’ 17-il sena minn ŻAK Mosta spjega kif l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kienet waħda memorabbli li se jibqa’ jgħożż għal ħajtu kollha. Luca kien onest, u stqarr li ma kinitx xi safra li vera kien ħerqan għaliha. Kien anzjuż li se tkun ġimgħa twila u tedjanti. Imma iktar ma bdew jgħaddu ġranet, iktar ma riedx li tispiċċa u tgħaddi. Ħass il-konnessjoni tiegħu ma’ Alla tissaħħaħ u s-saħħa mentali tiegħu titjieb. Waqt li l-għan prinċipali tal-pelligrinaġġ kien li jsiru aktar konxji tal-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna, Luca ddeskriva kif għamel ħafna ħbiberiji ma’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha, li magħhom tkellem dwar Kristu.
Dan il-vjaġġ kollu se jkollu effett twil fuq ħajtu, però jemmen li l-attività l-iktar favorita tiegħu kienet it-Triq tas-Salib, jew kif nafuha aħjar bħala l-Via Sagra. Din l-attività kkomparat sitwazzjonijiet moderni li ż-żgħażagħ jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum ma’ kull stazzjon tas-salib. Kull stazzjon kellu tema marbuta miegħu bħalma huma s-solitudni, is-suwiċidju, eating disorders, l-ambjent u ħafna iktar. Sentenza li jibqa’ jiftakar hi “F’liema dinja qed ngħixu Mulej, fejn qed tħalli n-nies imutu bil-ġuħ u oħrajn imutu minħabba ikel eċċessiv?”. Din il-mistoqsija wrietu kemm id-dinja hija inġusta u li mhux ħażin li tagħmel dawn it-tip ta’ mistoqsijiet lil Alla. Din l-attività urietu kif il-Knisja Kattolika mhux imwaħla fil-passat, imma qed tevolvi kontinwament u tadatta skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ għinitu jikber mhux biss spiritwalment, iżda għamel ħbiberiji li ma kienx qed jistenna, kif ukoll nibtet fih sens ta’ tama. It-Triq tas-Salib biddlitlu l-perspettiva tiegħu tal-Knisja, u issa qed jara l-pożittiv fir-riformi u l-evoluzzjoni tagħha kif ukoll l-imħabba lejn kulħadd, irrelevanti f’liema sitwazzjoni tal-ħajja jinsabu fiha.