Għażiż Fr David, nawguralek li tkun tista’ timxi fuq il-baħar. Tgħidli, fis-sajf nipprova, u fix-xitwa naraw. Imma xi tfisser li timxi fuq il-baħar? Il-baħar, fl-Iskrittura, b’mod speċjali għan-nies ta’ żmien Ġesù, kien element ostili, ta’ biża’, ta’ periklu. Aħna l-Maltin ukoll, għandna dik l-espressjoni: ‘il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa’. Xi idea tal-baħar kellhom ukoll missirijietna żgur. Nafu kemm iħajrek, imma mbagħad meta jsir qalil, xi grigalata qawwija, nafu wkoll xi jsarraf. Li timxi fuq il-baħar, huwa li jkollok il-kapaċità tegħleb dak kollu li hu ostili, dak kollu li huwa kuntrarju, dak kollu li jfixkel.
Il-Mulej, bl-imħabba qawwija tiegħu, għeleb kull diffikultà li huwa ltaqa’ magħha, sa mill-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu. U għamel hekk ukoll lil Pietru. Pietru jgħidlu: ‘Agħmel li nimxi fuq il-baħar’. “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28). Ġesù lil Pietru jgħidlu: “Ejja” (Mt 14:29). Imma f’din l-istedina, hemm stedina iżjed profonda – ‘itfa’ l-ħarsa tiegħek fuqi’, ‘itfa’ l-ħarsa tiegħek f’għajnejja’. Meta Pietru jibda jħares lejn l-ilma, hu li kien jaf xi jfisser u xi jsarraf, għax kien sajjied, u jerħi ħarstu minn fuq Ġesù, “ħabat jegħreq” (Mt 14:30), għax ir-riħ kien qawwi. “Salvani, Mulej! Malajr Ġesù medd idu u qabdu” (Mt 14:30-31); u jsalvah.
Għażiż Kappillan, aħna lkoll kemm aħna, kontinwament ngħaddu minn din l-esperjenza tal-Mulej, li jmidd idu biex jaqbadna u jsalvana. Inti trid tkun ukoll qaddej ta’ dik l-id tal-Mulej, imnewla biex taqbad lil kull wieħed u waħda minna u jsalvana. Se jinqeda bik. Qiegħed isejjaħlek biex tkun int, dik l-id tiegħu, li jmidd biex isalvana. Bil-kelma tiegħek, bl-imħabba tiegħek, bil-paċenzja tiegħek, bis-Sagramenti li tamministra, il-Qrar u t-Tqarbin, bid-dilka tal-morda, bil-barka li tagħti fit-toroq ta’ din il-parroċċa għażiża. Itolbu kuljum; jinqeda bik. Bħal Pietru, fil-bidu ta’ din l-esperjenza tiegħu, itfa’ ħarstek fil-ħarsa ta’ Ġesù. Għax inti taf, li jekk aħna nħarsu lejn id-diffikultajiet, nafu naqtgħu qalbna, li jiġri hekk lil kulħadd; imma b’għajnejna msammrin fuq Ġesù, jirnexxielna nimxu fuq il-baħar; li negħlbu, jiġifieri, id-diffikultajiet, l-isfidi, u l-ostilitajiet tal-ħajja.
Ġesù, kif beda l-Evanġelju, jagħtina eżempju, li jgħallimna żgur, b’mod speċjali aħna s-saċerdoti. Bl-interċessjoni tal-Madonna, li lil Bernardetta Soubirous għallmitha t-triq tal-penitenza u tat-talb, jgħaddilek dan l-eżempju Ġesù, għażiż ħija, biex aħna lkoll, aħna s-saċerdoti, ma ninsewx, li l-Mulej, jinqata’ għalih waħdu, “fuq l-għoljiet biex jitlob” (Mt 14:23). Hu, li kien f’għaqda kontinwa mal-Missier, iħoss il-bżonn, jinqata’, li jkun waħdu, biex igawdi b’mod profond, ta’ bniedem ukoll li kien, l-intimità tiegħu ma’ Alla. Mingħajrha, aħna s-saċerdoti, ma nibqgħux saċerdoti; insiru funzjonarji. Kultant biex nuża’ l-espressjoni tal-Papa – qisna dawk tad-dwana – b’rispett kollu lejn il-kategorija li kkwotajt. Imma inti trid tkun dak li tiftaħ it-tieqa tal-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna fuq l-imħabba ta’ Alla. Allura trid tkun f’intimità ma’ Ġesù.
Jiena nafdalek il-ministeru tiegħek lil din il-komunità, bl-interċessjoni qawwija tal-Madonna. L-ewwel nett, Sidtna Marija tkellmet ftit; imma dak li qalet huwa prezzjuż. Aħna nafu x’qalet permezz ta’ Santa Bernardetta Soubirous. X’qaltilha? Qaltilha biex titlob għall-midinbin; qaltilha biex tinħasel u tippurifika ruħha, minn barra u minn ġewwa; talbet li tinbena kappella; li s-saċerdoti jwasslu lin-nies lejn Binha Ġesù. Nawguralek li l-Mulej jinqeda bik għall-ġid. Talba, li nitlob fuqek u miegħek, hija li bl-eżempju sabiħ tiegħek, inti tkun tista’ tħallat u tqanqal dak li l-Mulej ikun żera’ fil-qalb tal-bniedem. Il-vokazzjoni ta’ kull wieħed u kull waħda minna taf xrara ta’ eżempju tajjeb; jekk hu fiż-żwieġ, jekk hu fil-ħajja reliġjuża, jekk hu fis-saċerdozju, l-istorja ta’ kull wieħed u kull waħda minna titnissel minn eżempju tajjeb u qaddis. Agħmel li fis-saċerdozju tiegħek tkun ta’ eżempju kbir. Meta billejl tħossok għajjien, tħoss il-baħar imqalleb wisq, itlob lill-Madonna ta’ Lourdes. Itfa’ ħarstek fuq il-Mulej li qed jgħidlek kontinwament, “la tibżax!” (Mt 14:27). Nawguralek.