Heritage Malta iffirmat Memorandum of Understanding mal-għaqda volontarja SOCEP (Senglean Organisation of Culture and Ecclesiastical Patrimony) biex tiskennja u toħloq verżjoni diġitali tridimensjonali tal-istatwa ikonika tar-Redentur tal-Isla. B’dan il-ftehim, Heritage Malta se tipprovdi wkoll konsulenza teknika u se tgħin lil SOCEP billi tiddiġitizza assi b’mod bidimensjonali u toħloq l-istrutturi ta’ metadata relatati. Min-naħa tagħha, SOCEP qablet li tagħti aċċess għall-artefatti li se jiġu diġitizzati. Il-ftehim ikopri perjodu ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded.

L-istatwa saret minn Saverio Laferla bejn fl-1742, waqt il-perjodu Barokk, għall-Konfraternità tal-Kurċifiss Qaddis. Il-konfraternità kienet twaqqfet fl-1715 u fil-bidu tas-seklu 19 iddeċidiet li tibni niċċa għall-oratorju tagħha biex ħadem post armarju.

Il-vara tar-Redentur fl-Isla toħroġ f’purċissjoni tliet darbiet fis-sena. Minbarra li toħroġ fir-Randan, il-vara toħroġ ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira u l-Ħadd ta’ wara l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesu.

It-tradizzjoni hija waħda antika ħafna. Sa mis-sena 1702, fl-inventarju antik tal-Parroċċa ta’ Bormla tissemma’ vara tar-Redentur. Il-purċissjoni kienet bdiet bħala wegħda reliġjuża biex l-Isla tinħeles mill-pesta li kienet qed tikkawża ħerba sħiha fil-gżejjer Maltin.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-istatwa ittieħdet fil-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara biex tinżamm f’post sigur, u ittieħdet lura l-Isla wara l-gwerra.

Is-sejba li saret għadd ta’ snin ilu ta’ 2,000 paġna ta’ manuskritti b’rabta mal-istorja tal-istatwa u l-analiżi tagħhom wasslu għal reviżjoni ta’ aspetti tal-istorja tal-istatwa li kienet tingħata dati żbaljati fl-istorja tagħha minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni. Ingħata informazzjoni ġdida dwar l-oriġini tal-istatwa. Fl-2019, ġie ppublikat ktieb editjat Fr Jonathan Farrugia bis-sejbiet u l-analiżi tagħhom.

Sors: Newsbook.com.mt