• Il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna attenda attività bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, fl-Oratorju, Qalb ta’ Ġesù, il-Mosta.

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Oratorju, Qalb ta’ Ġesù, il-Mosta
    15 ta’ Lulju 2016
     
    L-ewwel nett nirringrazzjakom talli ġejtu. Hawn min diġà għandu esperjenza tal-World Youth Day u hawn ukoll min sejjer l-ewwel darba. Nawguralkom esperjenza sabiħa.
    Irridu nammettu li hemm żewġ persuni li jibqgħu protagonisti assoluti tal-World Youth Day u nawguralkom li jkollkom iċ-ċans li tiltaqgħu magħhom: mhux ir-Re u r-Reġina, imma Ġesù Kristu u l-Papa. Wieħed għandu jaħseb u jgħid: ‘jiena l-ewwel nett se niltaqa ma’ Ġesù Kristu’. Tiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu li qal: “fejn tnejn jew tlieta huma miġburin f’ismi, hemm inkun jien”. L-ewwel WorldYouth Day li saret għaż-żgħażagħ kienu jingħaddu  bil-mijiet tal-eluf. Fil-Fillippini kien hemm miljun jekk mhux iżjed u naħseb il-Polonja kapaċi wkoll tiġbor miljun żgħażugħ u żgħażugħa.
    Ovvjament, trid tagħmel att ta’ fidi kbira, per eżempju fl-Ewkaristija li trid taraha minn  ħafna bogħod, waħda minn ħafna esperjenzi partikolari. Se jkun hemm anke ħafna distrazzjonijiet, ninnota ftit l-kwantita’ ta’ distrazzjonijiet li jkollok, mhux biss l-iskumdità tal-ambjent imma l-fatt ukoll li peress li l-Liturġija tiġi ċċelebrata tant il-bogħod tant li jkollok taraha fuq l-iscreen, inti faċli titlef l-konċentrazzjoni. Mentri jiena naħseb li dan irid ikun sforz ta’ ġenerożità.  Jiena qed nitkellem fuq livelli kbar fejn ikun hemm il-Papa li huma l-fulkru li huma dawk li aħna naraw fuq il-midja.Meta mort il-Brażil għalija kienet esperjenza qawwija, fejn il-katekeżi saru f’ambjenti li ma kinux faċli, speċjalment dawk li saru fil-favelas. Jiena rnexxieli mit-tlieta li tawni, tnejn minnhom kienu fil-favelas u trid tagħmel sforz biex tibda u tkompli. Jiena naħseb importanti ħafna li timpenjaw ruħkom għall-katekeżi u tieħdu bis-serjetà d-domandi fid-djalogu li jkun hemm mal-Isqof katekista, anke l-mistoqsijiet li jridu jsiru biex intom tkunu protagonisti fiha.
    Jiena nispera li jkollna ċans niltaqgħu wara li tiġu, bil-kalma, biex tirrakkontaw l-esperjenzi tagħkom. Importanti ħafna li l-esperjenza tal-World Youth Day tkun u sservi ta’ spinta għal dawk li jiġu wara. Nawguralkom ukoll li f’din is-Sena tal-Ħniena flimkien bħala grupp, personalment u individwalment, tagħmlu esperjenza sabiħa ta’ rikonċiljazzjoni. Jiena naħseb li s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hemm bżonn niskopruh bħala gwida u akkompanjament għall-qdusija b’mod li mhux inqerr għaliex ikun hemm l-okkażjoni, fl-għarfien tad-dgħufija tiegħi jiena nirrikorri lejn il-ħniena t’Alla regolarment. Dan is-sagrament isir skola ta’ qdusija, skola ta’ paċenzja anke miegħi nnifsi u skola ta’ qdusija.
    Jiena nawguralkom minn issa dan il-frott minn Krakov li kienet imbierka bil-preżenza tal-Kardinal Wojtyla – hija wkoll belt straordinarjament sabiħa ta’ kultura Nisranija. Ma nafx jekk hux se jkollkom ċans – għax l-itinerarju ma studjajtux bid-dettal – il-Papa żgur sejjer Oswiecim, jew Auschwitz. Nawguralkom li jekk tmorru hemmhekk morru b’sens kbir ta’ pellegrinaġġ mhux biss għax l-impatt huwa krudili ħafna – Auschwitz huwa xokk, imma hija memorja essenzjali għal kull ċittadin Ewropew.
    Il-World Youth Day bħala tema għandha r-rikonċiljazzjoni – jalla din l-esperjenza tħalli l-frott fil-qalb tagħna, ħalli meta mbagħad nirritornaw u ‘ninżlu mit-Tabor’ għall-wied tad-dinja, li huwa l-wied tad-dmugħ għandna nkunu bnedmin li ltqajna ma’ Kristu, li rridu nħobbuh, u nħobbuh fil-proxxmu tagħna ħalli l-messaġġ tal-Evanġelju jibqa’ messaġġ attwali.
    Il-Papa Franġisku huwa personalità straordinarjament konkreta. Jiena kelli l-opportunità u l-privileġġ li niltaqa’ miegħu diversi drabi personalment, dak li jolqotni fih u jgħallimni hija li huwa bniedem tad-demm u l-laħam – konkret ħafna. Il-kelma tiegħu hija kelma li ġejja minn ħafna intimità ma’ Ġesù u għalhekk il-kelma tiegħu, għalkemm hija diretta u m’għandhiex ħafna xinxilli, tolqot il-qalb tal-bniedem għax ġejja minn intimità kbira ma’ Ġesù, mir-realizzazzjoni personali konsapolavezza tad-dgħufija personali tiegħu. M’ilux qal it-talba li jgħid qabel ma jorqod, ma nafx jekk smajtuhiex, dawk il-ħames ‘Missierna’ lill-Pjagi ta’ Kristu, u jgħidlu: “jekk trid, tista’ ssaffini, tippurifikani”. U l-Papa għadu jgħidha, ta’ 78 sena għadu jgħidha din it-talba, u aħna ngħidu: ‘meta se nieqfu?’ Tibqa’ tgħidha ħajtek kollha din it-talba biex Ġesù jippurifikak u jeħilsek mid-dnub tiegħek. U din id-devozzjoni sabiħa li kellu anke San Ġorġ Preca lejn il-ħames pjagi ta’ Kristu, għalhekk ħames ‘Missierna’ għall-ħames Pjagi ta’ Ġesù. Din hija t-talba tal-Papa Franġisku kuljum qabel imur jorqod.
    Jiena nawguralkom li tisimgħu b’attenzjoni kbira l-kelma tal-Papa għaliex Ġesù se jkellimkom permezz tagħha. U fl-istednijiet li jagħmlilkom il-Papa, nitlobkom f’isem Kristu għall-Isqof tagħkom, ħuduhom ħafna bis-serjetà. Huwa Ġesù li se jkellmek permezz tal-Papa Franġisku, se jkellimkom ukoll permezz tal-Isqfijiet katekisti, se jkellimkom ukoll permezz ta’ din l-esperjenza straordinarja.
    Aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna bżonn nintilfu fost eluf ta’ eluf ta’ żgħażagħ għaliex sfortunatament diġa bdejna nħossuna qisna minoranza f’dan il-pajjiż li jemmen f’Ġesù Kristu -m’għadux moda. Anzi, huwa propju l-kontra. Meta inti tagħmel l-esperjenza tal-World Youth Daytirrealizza li m’intix waħdek, anke jekk fuq ix-xogħol se tħossok waħdek, dik il-memorja tal-Knisja enormi verament Kattolika. Kattolika għaliex hija universali, hija realtà mhux ħolma. Hija realtà li tara b’għajnejk, tintilef f’post ma baħar enormi ta’ kattoliċi li għandhom d-dgħufija tiegħek imma għandhom ukoll l-aspirazzjonijiet, il-qdusija – esperjenza essenzjali li nawguralkom li tgawduha, mhux biss b’ritratti – għaliex illum bl-ismart phone tieħu ritratt kull sekonda jekk trid – imma anke bil-memorji u l-ħbiberija li se tagħmlu. Ippruvaw għamlu l-ħbieb ukoll għax aħna l-Maltin, sfortunatament kultant ngħid, inħobbu ninġabru qaqoċċa, anke l-fatt li aħna għandna lingwa nitkellmuha aħna biss u mingħalina ħadd ma jifhimna. Ikun hemm il-Lebaniżi probabbli jixorbu kull ma nkunu għidna, wara tinduna li qed titkellem bil-Malti u tgħaddi xi kumment, imbagħad jgħidlek, ‘isma jien Malti wkoll’. Importanti wkoll li intom tagħmlu kuntatti mal-Kattoliċi oħrajn, hija xi ħaġa essenzjali. L-esperjenza tal-World Youth Day ma tagħmluhiex bħala ghetto imma li jkollokom l-opportunità li tiltaqgħu ma’ nies oħrajn u llum faċli b’email u b’tant social media tkompli l-kuntatt tiegħek ma’ nies oħrajn.  
    Intom tafu kif kienu jagħmlu l-Partiti Kommunisti: minn tlieta min-nies iġibuhom mija. Darba minnhom fin-North Korea inqabdu għaliex kien hemm suldat sar ġgant, ma kinux ħassruh bil-photoshop allura ma rrealizzawx li dawn l-armati tagħhom fir-ritratti jżiduhom bil-photoshop. Ma naħsibx li World Youth Day isir hekk, kif tafu l-esperjenza hija verament esperjenza straordinarja. Mhumiex il-kwantità ta’ nies ikkreati bil-photoshop imma hija esperjenza straordinarja li tagħmilna kburin li aħna kattoliċi imma wkoll tirrealizza li aħna għandna din il-barka li l-Papa li jkollu kemm ikollu żmien, fl-eta’ qed ngħid, għandu vuċi żgħażugħa għaliex hija l-vuċi tal-Knisja permezz tal-entużjażmu.
    Sejrin il-Polonja. Jiena naħseb World Youth Day il-Polonja huwa wkoll privileġġ. Il-venue huwa post speċjali ħafna, l-ewwel nett għaliex id-devozzjoni tal-Ħniena Divina twieldet il-Polonja ma’ Suor Fawstina Kovalska fid-djoċesi ta’ Krakovja, u allura intom sejrin fejn bdiet għas-seklu 21 din il-kelma ta’ Ġesù: ‘ħniena rrid, ħniena rrid’. lntom se tkunu fil-qalba ta’ din l-esperjenza tal-Ħniena u l-Polonja kien pajjiż li sofra, imma sofra billi tlett darbiet fl-istorja tiegħu ġie kkanċellat. Aħna diffiċli nikkanċellaw jekk ma tiġix xi mewġa kbira u tgħattina, għax hi gżira, imma l-Polonja tlett dabriet fl-istorja ġiet ikanċellata bħala pajjiż. Imma l-poplu baqa’ poplu Nisrani għaliex kellu l-fidi Kattolika, anke fost l-isfidi kollha li affaċċja.  
    Se jkollkom ukoll l-opportunità li tmorru fejn l-epiċentru tal-qdusija, Krakovja li tat ħafna qaddisin lill-Knisja. Se jkollkom anke x-xorti, la sejrin Auschwitz tmorru anke fil-post li bil-pollakk isejħulu ‘l-blokk tal-mewt’, fejn anke miet San Massimiljanu Marija Kolbe. Jiena nawguralkom ħafna u nispera li meta terġgħu lura, kif għedna, jkollna ċans niltaqgħu biex nisma’ ftit l-esperjenzi tagħkom. Il-Mulej ikun magħkom. God speed, morru u erġgħu lura.
     
     Charles J. Scicluna
    ​    Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Photocity, Valletta.