Il-Caritas se tkun qed torganizza tlielaq u mixja terapewtika favur ħajja attiva li tersaq ‘il bogħod mill-vizzji.
L-avveniment se jsir fit-22 ta’ Ottubru fit-8am b’kollaborazzjoni ma’ St Patrick’s Athletics Club u Sportmalta.
F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega li se jsiru tlielaq tal-10 kilometri u tal-5 kilometri, mixja taż-2.5 kilometri kif ukoll tellieqa tal-kilometru għat-tfal li għandhom bejn is-sitta u disa’ snin u tellieqa ta’ 2.5 kilometri għat-tfal li għandhom bejn l-10 u t-13-il sena.
Gatt qal li ħafna mir-residenti tal-Caritas, kemm jekk huma żgħażagħ jew anzjani, qed jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet sportivi u kien hemm saħansitra pparteċipa f’avvenimenti sportivi barra minn Malta.
Hu rringrazzja lil Sportmalta talli wħud mill-kowċis tagħha jorganizzaw attività sportiva kull ġimgħa ta’ programm terapewtiku.
Gatt qal li dan l-investiment fl-isport waqt il-progamm jissarraf f’Dar Charles Miceli – ċentru tal-aftercare – fejn twaqqaf tim tal-futbol attiv ħafna u wara l-pandemija, twaqqaf anke l-Caritas Athletics Team li huwa tim ta’ staff flimkien ma’ klijenti li integraw lura fis-soċjetà.
F’din l-attività jipparteċipaw ukoll żgħażagħ miċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar.
“Din l-attività għal sportivi li diġa huma attivi u li tħeġġeġ lil dawk li għadhom fil-bidu biex tkun l-ewwel pass tagħhom għal ħajja iktar attiva u sana. Il-parteċipazzjoni ssir ukoll b’donazzjoni Għal Caritas biex b’hekk fondi li jinġabru jmorru kollha kemm huma għas-servizzi soċjali li Caritas toffri bla ħlas,” kompla jispjega Gatt.
Is-Segretarju ta’ St Patrick’s Athletics Club Charlene Cutajar spjegat li r-rotta li ntgħażlet hija kkunsidrata “fast” peress li l-elevazzjoni hija baxxa ta’ 35metru u hija kollha fil-kampanja.
“Hija mmirata għall-atleti kompettitivi u ta’ esperjenza kif ukoll dawk li jixtiequ jingħaqdu magħna għall-mixja li anke jistgħu jiġu bil-kelb magħhom. Ir-rotta se tkun magħluqa għat-traffiku. Kull ġirja tibda minn quddiem u tispiċċa fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas fejn bla dubju hija opportunità unika għall-parteċipanti peress li l-aċċess għal San Blas normalment huwa ristrett,” qalet Ciantar.
Għal din l-attività se tingħata midalja u t-shirt kommemorattiv għal kull parteċipant,
filwaqt li wara t-tellieqa se ssir preżentazzjoni ta’ trofew fil-kategoriji kompettitivi.
Wieħed jista’ japplika minn hawnhekk jew mis-sit ta’ Caritas Malta jew mill-paġna ta’ Facebook. Kumpaniji li jixtiequ jiġu mal-istaff jew gruppi jistgħu jċemplu fuq 7955 5915 jew 2219 9000.
Sors: Newsbook Malta