L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mara, il-fidi tiegħek hi kbira!” (Mt 15:28) Hekk jgħid Ġesù lil din il-mara, kif smajna fl-Evanġelju llum. Imma ħaġa li tolqotna hi li qabel ma jasal biex jgħidilha hekk, qisu jagħtiha ħafna terturi. Qabel ma jfaħħar il-fidi tagħha u jfejjaq lil bintha, iġibha bit-tul.
Jolqotna dan l-episodju għax għall-bidu qisu mhux Ġesù li nafu. Kif smajna fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju “Ġesù dar il-Galilija kollha… jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu” (Mt 4:23). Hekk nafuh lil Ġesù: li meta jkun hemm xi ħadd fil-bżonn, jgħinu mal-ewwel; jekk xi ħadd jitolbu l-għajnuna, jieqaf milli jkun qed jagħmel u jara dak li għandu bżonn.
Għaliex ma’ din il-mara Ġesù hu qisu nieqes mis-sensitività? Titlob l-għajnuna għal bintha, u jinjoraha; imbagħad ikellmuh id-dixxipli li jridu jeħilsu minna, u xorta ma jkunx hemm risposta pożittiva min-naħa tiegħu; hi tkompli tinsisti, u qisu għalxejn. Għaliex?
Il-kuntrast
Nistgħu nifhmu dan meta naraw il-kuntrast bejn dan l-episodju tal-lum u dak ta’ nhar il-Ħadd li għadda, li hi ġrajja li fl-Evanġelju tiġi fil-kapitlu ta’ qabel dan. Lil Pietru, wieħed mid-dixxipli l-aktar ta’ ġewwa, anzi l-ewwel fost id-dixxipli, li Ġesù stiednu biex jimxi lejh fuq il-baħar imma jaħbat se jegħreq għax ineħħi l-ħarsa minn fuqu u jibda jibża’, Ġesù jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” Dak hu x’jgħid Ġesù lil Pietru. Lil dil-mara, li ma kinetx waħda minn ta’ ġewwa, li kienet stranġiera, li marret hemm biex tinzertah lil Ġesù, jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek hija kbira!” Innutaw il-kuntrast.
Meta tara dan il-kuntrast, hu ovvju li Ġesù jrid jagħti dal-messaġġ qawwi, speċjalment lid-dixxipli tiegħu, tal-fidi kbira ta’ dil-mara li baqgħet tippersisti bit-talba tagħha biex ifejjaq lil bintha.
Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù, imbagħad lejn dil-mara, u naraw x’messaġġ hemm għall-ħajja tagħna. Ġesù hawnhekk jgħin lill-mara biex toħroġ b’mod qawwi l-fidi tagħha. Il-mara rat f’Ġesù dak li għall-bidu ma semgħetx fil-kliem tiegħu, rat f’Ġesù l-imħabba u l-kompassjoni li għall-bidu ma kinetx tidher fl-imġiba tiegħu. Imma Ġesù hu dak li fl-aħħar mill-aħħar ifejjaq lil bintha li kienet magħdura ħafna.
Fidi u determinazzjoni
Meta nħarsu lejn dil-mara, tolqotna ħafna l-fidi qawwija tagħha – li hi emmnet li Ġesù jista’ jfejjaq lil bintha u baqgħet temmen, minkejja kull ostaklu, li Ġesù kien se jfejjaq lil bintha. U fil-fatt Ġesù jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek hija kbira. Ħa jsirlek kif tixtieq!” Hi fidi li tegħleb kull ostaklu.
Imma tolqotna wkoll kemm dil-mara kellha determinazzjoni qawwija, u kif għarfet li l-fidi tgħinek biex tieħu azzjoni, mhux tagħlqek fik innifsek u tagħmel passiv. Tgħinek biex tieħu l-azzjoni li tkun meħtieġa biex tista’ tagħmel il-ġid. Il-mara kienet determinata u ma ħallietx ir-reazzjoni tal-bidu ta’ Ġesù, jew dik tad-dixxipli tiegħu, itellfuha milli tasal fl-aħħar mill-aħħar għall-għan tagħha.
Fidi li twassal għal azzjoni
Dan hu messaġġ ta’ siwi kbir għal ħajjitna. L-ewwel nett kemm hi importanti l-fidi fil-ħajja tagħna, il-fidi f’Ġesù li jagħtina dejjem dak li hu ta’ ġid għalina. Ġieli qisna ma narawx riżultat meta nitolbu, ġieli nħossu li hu indifferenti magħna, imma fil-fatt nafu li hu jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
Imma fl-istess waqt li aħna nitolbu bil-fidi, irridu nieħdu l-azzjoni li għandna nieħdu, nagħmlu dak li għandna nagħmlu, u nagħmluh b’determinazzjoni. Il-fidi ma tfissirx li nibqgħu passivi, nistennew xi ħaġa tiġri, imma tfisser li nagħmlu dak li għandna nagħmlu għall-ġid tal-oħrajn, bħalma għamlet dil-mara għall-ġid ta’ bintha.
Il-fidi f’Alla hi dik li tagħtina l-qawwa, tagħtina l-enerġija biex nagħmlu dak li hu ta’ ġid. Qatt ma għandha tkun fidi – fidi vera mhijiex hekk – li lilna tagħlaqna fina nfusna, u tħallina nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna, imma tgħinna biex b’rieda soda nagħmlu dak li hu ta’ ġid.
Nitolbu llum li nieħdu l-ispirazzjoni minn dil-mara li ltaqgħet ma’ Ġesù. Nitgħallmu minnha jkollna fidi qawwija msieħba ma’ determinazzjoni li nagħmlu dak li għandna nagħmlu għall-ġid tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Photo by Paweł L.