L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Meta semgħu dan fis-sinagoga, kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum skont San Luqa, meta Ġesù kien qed jitkellem fis-sinagoga. Kulħadd imtela fil-korla, imma ma waqfux hemm. Saru vjolenti. Fil-fatt l-Evanġelju jgħid li qamu, ħarġu lil Ġesù barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom biex jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Hi reazzjoni vjolenti. Riedu proprju jeliminawh lil Ġesù.
Tolqotna din, aktar u aktar, meta fl-istess silta tal-lum naraw kif inbidlet għal kollox ir-reazzjoni ta’ dawn in-nies li semgħu lil Ġesù. Għax fil-bidu, meta Ġesù beda jitkellem, l-Evanġelju jgħid li “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Mela fil-bidu laqgħuh u baqgħu mistagħġba. Meta baqa’ jitkellem, f’daqqa waħda, dawn inbidlu. U minn nies li laqgħu kliemu, mhux biss irrifjutaw kliemu imma riedu wkoll jeliminaw lilu.
X’ġara? X’qal Ġesù? Qal xi ħaġa fl-Evanġelju biex jinsultahom, joffendihom? Għaliex din ir-reazzjoni hekk kbira kontrieh? Ġesù, fil-fatt, ma qal xejn li bih kellhom joffendu ruħhom dawn in-nies, għax Ġesù qal il-verità. Li spjega hawn hu kif Alla hu Alla ta’ kulħadd, u għal kulħadd. Mhuwiex ta’ xi poplu wieħed b’mod esklussiv. Hu għalhekk Ġesù li ġab l-eżempji tal-profeta Elija u l-Profeta Eliżew, kif fi żmienhom Alla ħadem mhux biss mal-poplu Lhudi, imma anke ’l barra mill-poplu Lhudi, ma’ nies li ma kinux jiffurmaw parti mill-poplu Lhudi. Il-messaġġ kien: Alla hu Alla għal kulħadd.
Għalhekk, ma kellhomx għalfejn joffendu ruħhom. Imma ħaduha daqshekk bi kbira għax huma kienu magħluqin. Għalihom huma biss kienu l-poplu ta’ Alla. Li tgħid xi ħaġa bħal din għalihom tfisser li qed tgħid xi ħaġa li ma ddoqqx, li hi kbira. Imma x’għamel Ġesù? Din hija importanti – x’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù? L-ewwel “għadda min ġo nofshom u baqa’ sejjer” (Lq 4:30) biex, naturalment, ma jispiċċax in-naħa ta’ isfel tal-irdum, jiġifieri biex ma joqtluhx. Imma, mbagħad, Ġesù, wara din il-ġrajja, ma daħalx f’qoxortu u qal: aħjar noqgħod bi kwieti, u ma nagħmel xejn, għax ikun hemm min joffendi ruħu! X’għamel Ġesù? Baqa’ jgħallem fis-sinagoga, fit-tempju, fit-toroq, ġol-belt, ’il barra mill-belt, mal-poplu Lhudi, ’il barra mill-poplu Lhudi. Baqa’ jwassal b’fedeltà l-kelma ta’ Alla, bla biża’, anke jekk hawnhekk kienu daqshekk vjolenti.
X’inhu l-messaġġ għalina llum? L-ewwel nett, li dan li qed jgħid Ġesù jkun tassew dak li aħna nifhmu, napprezzaw, u naċċettaw, jiġifieri li Alla hu Alla għal kulħadd. Ġesù ġie biex jifdi l-umanità. Irridu noqogħdu attenti li aħna ma jkollniex din il-mentalità magħluqa li kellhom dawn in-nies li kienu qed jisimgħu lil Ġesù. Għax kultant jista’ jiġri anke fl-espressjonijiet tal-fidi tagħna, li jkollna din il-mentalità magħluqa. Ħu, per eżempju, f’raħal, f’lokalità – meta jkun hemm min ikun ma’ qaddis kontra qaddis ieħor, u l-Madonna taħt titlu kontra l-Madonna taħt titlu ieħor. Din hi l-mentalità ta’ dawn in-nies: li tista’ tagħlaq lil Alla jew lill-qaddisin tiegħu b’mod esklussiv għal ċerti nies. Mentri l-messaġġ importanti li jagħtina Ġesù hu li Alla hu Alla għal kulħadd, u aħna għandu jkollna qalbna miftuħa għal kulħadd. Imbagħad il-messaġġ l-ieħor importanti għalina hu dan: li aħna bħal Ġesù ma għandniex nibżgħu nwasslu l-kelma ta’ Alla kif inhi. Anke meta jkun hemm reazzjoni vjolenti, għax kif jgħidu t-Taljani, kultant il-verità toffendi. Ġieli jkollna din l-esperjenza anke bħala Knisja li nwasslu t-tagħlim ċar kemm jista’ jkun. Ikun hemm min, anke fil-kitbiet tiegħu, jinsolenta. X’għandna nagħmlu aħna? Għandna nidħlu f’qoxortna? Għandna nkomplu nwasslu l-kelma b’mod ċar u bla biża’. Jekk ikun hemm min joffendi ruħu minħabba l-verità, ma jfissirx li b’daqshekk ma nkomplux inwasslu l-kelma ta’ Alla kif inhi u bla biża’.
Nitolbu lill-Mulej illum l-ewwel nett li aħna jkollna qalbna miftuħa għalih, li qatt ma nirrifjutaw il-kelma tiegħu, bħalma għamlu dawn in-nies; u mbagħad li aħna nkunu nistgħu wkoll inwasslu l-kelma bil-kuraġġ, bla biża’ u b’fedeltà.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Photo by Paweł L.