L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ma jistħoqqlix li inti tidħol taħt is-saqaf tiegħi” (Lq 7:6). Dan huwa l-kliem li ċ-ċenturjun bagħat jgħid ma’ xi ħbieb lil Ġesù, meta talbu biex jiġi jfejjaq il-qaddej tiegħu. Dan iċ-ċenturjun kellu qaddej li kien għażiż ħafna għalih u li kien wasal fl-aħħar. L-ewwel bagħat messaġġ lil Ġesù ma’ xi xjuħ tal-Lhud. Dan iċ-ċenturjun ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, ma kienx Lhudi, imma kien jistmagħhom. Fil-fatt hekk jgħidulu dawn ix-xjuħ. Jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan, għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga” (Lq 7:4-5).
Nafu li kif Ġesù ħa dan il-messaġġ minn dawn ix-xjuħ tal-Lhud, mar mal-ewwel biex ifejjaq lil dan il-qaddej. Imma lanqas laħaq wasal id-dar, illi dan ma bagħatx ukoll xi ħbieb biex jgħidulu: “Toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” (Lq 7:6). Iċ-ċenturjun, avolja ma kienx tal-istess twemmin tal-poplu Lhudi, imma kellu din il-fidi f’Ġesù li hu b’kelma jista’ jfejjaq il-qaddej tiegħu. Għalhekk lanqas kellu għalfejn imur id-dar, imma jgħid kelma u l-qaddej ifiq. Araw x’fidi kbira kellu dan iċ-ċenturjun!
Fil-fatt jgħidlu: “Ordna b’kelma” (Lq 7:7). U jgħidlu għaliex. Isemmi l-esperjenza tiegħu ċ-ċenturjun. Jgħidlu: “Jien stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi. Lil wieħed ngħidlu ‘mur’ u jmur; lill-ieħor ngħidlu ‘ejja’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu ‘agħmel dan’ u jagħmlu” (Lq 7:8). Verament naħseb hu l-għira ta’ ħafna daċ-ċenturjun, għax mhux kull min hu responsabbli tan-nies isib dejjem din id-disponibiltà! Imma ċ-ċenturjun kien qed jitkellem mill-esperjenza tiegħu, u jgħid: jekk jien nagħmel dan, Ġesù b’kelma jista’ jfejjaq lill-qaddej tiegħi.
Fil-fatt, nafu li Ġesù hekk fejqu. Ġesù lanqas wasal sad-dar ta’ dan iċ-ċenturjun, imma sa ftit qabel id-dar. U lanqas għamel ħafna għeġubijiet u affarijiet li jolqtu l-għajn. Faħħar il-fidi taċ-ċenturjun. Dak biss li għamel Ġesù. Qal: “lanqas f’Israel ma sibt fidi bħal din!” (Lq 7:9) U b’dik il-kelma Ġesù, fuq il-fidi ta’ dan iċ-ċenturjun, fejjaq lill-qaddej tiegħu. Jiġifieri: mill-bogħod, b’kelma, eżatt kif qallu ċ-ċenturjun. Ġesù kellu din il-kelma qawwija u effettiva li tfejjaq lil dan il-qaddej.
Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għalina, għall-ħajja tagħna. Jgħinna biex aħna nissaħħu fil-fidi tagħna, il-fidi f’Ġesù li b’kelma jista’ fina jġib bidla għall-aħjar, ifejjaqna, bħalma nixtiquh kultant għal diversi fejqan li jkollna bżonn, imma wkoll ifejjaq ir-ruħ tagħna. Ġesù jġib din il-bidla mhux b’ħafna teatrini minn barra, b’ħafna affarijiet li jidhru minn barra, imma b’mod effettiv ħafna jekk aħna jkollna l-fidi bħalma kellu dan iċ-ċenturjun.
Fil-fatt innutaw li mas-snin il-kelma li qal iċ-ċenturjun, li bagħat jgħid mal-ħbieb, saret parti mil-liturġija tagħna, mill-quddiesa. Fil-quddiesa, meta l-qassis jgħid “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf” aħna lkoll inwieġbu “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Tindunaw li qed nużaw l-istess kliem taċ-ċenturjun, mhux għall-qaddej imma għalina nfusna, biex ifejjaq ir-ruħ tagħna. Ejjew dejjem nitolbu din it-talba sabiħa li ngħidu fil-quddiesa, nitolbuha b’fidi qawwija bħalma kellu dan iċ-ċenturjun: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju