L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Huma tlieta l-arkanġli li tagħhom qed nagħmlu l-festa llum: Mikiel, Gabrijel u Rafel. Huma t-tlieta li fil-fatt jissemmew fl-Iskrittura. Meta naħsbu fihom, niftakru li dawn huma dejjem mibgħutin minn Alla biex ikunu ta’ għajnuna għall-bniedem.
L-arkanġli mhumiex qegħdin hemmhekk biex aħna nħarsu lejhom u nieqfu fuqhom, imma biex permezz tagħhom aħna nistgħu nagħtu glorja lil Alla, kif jagħtu glorja lil Alla huma. Fil-fatt, meta aħna ngħidu “lilek, Mulej, tifħir u glorja”, qed nagħmlu kif jagħmlu l-anġli. Kif smajna wkoll fis-salm illum: “Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek” (Salm 138:2).
Ħa nħarsu ftit lejhom, dawn it-tlieta, u naraw x’inhuma l-karatteristiċi prinċipali ta’ dawn it-tliet arkanġli. Min hu Mikiel? Il-kelma “Mikiel”, l-isem ifisser: “Min hu bħal Alla?” Mikiel hu dak li jipproteġi. Narawh fit-Testment il-Qadim, fil-viżjoni ta’ Danjel, qiegħed jipproteġi lil Israel mill-għedewwa; u narawh fil-ktieb tal-Apokalissi meta hu jfisser ir-rebħa kontra l-ħażen, u x-xitan huwa l-għerq tal-ħażen. Kultant, meta naraw lil Mikiel, narawh jew lest għall-ġlied jew qed jiġġieled. Imma dan mhux għax kien ġellied, imma proprju għax hu kien dak li jipproteġi. L-iskop tiegħu hu li jkun ta’ protezzjoni għalina, speċjalment protezzjoni mill-qerq tax-xitan, għax aħna nafu li x-xitan l-aktar li jaħdem hu bil-qerq, billi ħaġa kerha jurihielek bħala sabiħa, u ħaġa ħażina jurihielek bħala tajba. Għalhekk għandna bżonn tassew din il-protezzjoni ta’ dan l-arkanġlu Mikiel.
Min hu Gabrijel? L-isem “Gabrijel” ifisser “Alla huwa l-qawwa tiegħi”. U lil Gabrijel narawh kemm fit-Testment il-Qadim fil-viżjonijiet ta’ Danjel, imma b’mod speċjali fit-Testment il-Ġdid, meta hu jintbagħat għand Żakkarija u għand Marija, biex hemm iwasslilhom l-Aħbar it-Tajba. F’Gabrijel naraw il-messaġġier ta’ Alla, dak li jwassal l-ikbar aħbar lill-umanità: li Alla se jsir bniedem. Meta aħna niftakru f’ismu – il-qawwa ta’ Alla – naraw kif l-Aħbar it-Tajba li hu dejjem iwassal lilna turina li aħna għandna nserrħu fuq il-qawwa ta’ Alla. Fil-fatt din narawha ħafna meta Gabrijel iżur lil Marija, u hi ma setgħetx tifhem għal kollox dak li qed jgħid, imma fehmet li minn Alla u fehmet li bil-qawwa tiegħu – bil-qawwa ta’ Alla – u għalhekk tgħid: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Hija l-isbaħ attitudni għal dan il-messaġġ li jiġi minn Alla.
Min hu Rafel? Lil Rafel narawh ukoll fit-Testment il-Qadim. Ismu jfisser “Alla jfejjaq”. Fil-fatt narawh fil-ktieb ta’ Tobit, meta hu jakkumpanja lil Tobija, it-tifel ta’ Tobit, fl-avventuri differenti tal-ħajja tiegħu li jwasslu proprju għal tmiem tajjeb. Rafel ifakkarna li għandna bżonn gwida għall-ħajja tagħna – Alla hu li jiggwidana. Fl-istess waqt, għandna bżonn il-fejqan. Għandna bżonnhom it-tnejn li huma fil-ħajja tagħna. Għalhekk, meta niftakru f’Rafel, niftakru li Alla lilna jrid ukoll jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, kif ukoll jagħtina l-fejqan, biex aħna nkunu tassew b’saħħitna speċjalment fir-ruħ tagħna.
Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn it-tliet arkanġli li tana. Nitolbuh biex dejjem niftakru li Alla jrid, permezz tagħhom, jipproteġina, iwasslilna l-Aħbar it-Tajba, u jiggwidana u jfejjaqna. U nitolbuh biex ikunu ta’ għajnuna f’ħajjitna ħalli dejjem nimxu fit-triq it-tajba li togħġob lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju