L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u l-Arċisqof Emeritu George Frendo, it-tnejn Dumnikani, iċċelebraw is-60 anniversarju mill-professjoni reliġjuża tagħhom.

Kien fl-1963 li Pawlu Cremona u George Frendo bdew il-mixja vokazzjonali tagħhom lejn is-saċerdozju bħala patrijiet Dumnikani.

Mons. Cremona, li huwa mwieled il-Belt, ipprofessa fl-Ordni ta’ San Duminku fl-età ta’ 17-il sena, filwaqt li Mons. Frendo, li huwa mwieled Ħal Qormi, ipprofessa fl-età ta’ 16-il sena. Huma ġew ordnati saċerdoti fl-1969.

Għal din l-okkażjoni, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, iċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr, li għaliha attenda wkoll il-President ta’ Malta George Vella.

Fl-omelija l-Provinċjal tal-Ordni Dumnikan, Patri Vince Micallef, fissirhom mhux biss bħala ħutu Dumnikani iżda bħala ħbieb li “qdew kull missjoni fdati biha b’umiltà, b’serjetà u b’responsabbiltà kbira.”

Waqt li fisser kull kariga fdata lir-reliġjużi bħala “servizz u missjoni, u mhux grad jew ċertifikat li wieħed jakkwista fil-ħajja tiegħu,” Patri Vince Micallef irrikonoxxa li Mons. Cremona u Mons. Frendo għarfu li fil-karigi tagħhom jirriflettu l-ħajja ta’ Alla.”

Il-Provinċjal fakkar kif flimkien magħhom studja għal mill-inqas sena meta kienu studenti tal-filosofija u t-teoloġija, u nnota kif sa minn dak iż-żmien it-tnejn li huma kienu jilqgħu lill-istudenti ġodda u jassistuhom. Kienu wkoll il-provinċjali tiegħu meta kien għall-missjoni fil-Brażil.

Sors: Newsbook.com.mt

Aktar ritratti