Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk fl-4 ta’ Ottubru, il-Vatikan ippubblika l-Eżortazzjoni Appostolika l-ġdida tal-Papa Franġisku dwar il-kriżi fil-klima, Laudate Deum, bil-Malti ‘Faħħru lil Alla’.

Fiha l-Papa jindirizza s-sitwazzjoni tal-bidla fil-klima għax “bniedem li jippretendi li jieħu post Alla jsir l-agħar periklu għalih innifsu” (73). Dan wara li f’Pentekoste tal-2015 Franġisku kien tana l-Enċiklika Laudato si’ fuq il-ħarsien u l-għożża tal-ħolqien.

Il-Laudate Deum tindirizza lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u hi magħmula minn sitt kapitli. Hija ħafna iqsar fit-tul mill-‘ewwel parti’ tagħha, il-Laudato si’.

Fl-ewwel kapitlu, “Il-Kriżi fil-Klima Globali”, il-Papa jwissi li l-bidla fil-klima hi evidenti għal kulħadd u l-effetti tagħha qed jidhru dejjem iżjed “minkejja xi tentattivi biex jimminimizzawhom jew jirredikolawhom” (6). Juri d-dispjaċir tiegħu li l-kawża prinċipali ta’ din il-problema hi l-attività umana u jżid li, waqt li ma nistgħux insewwu ħsara bħal din, xorta għadna nistgħu nieħdu passi biex nipprevenu ħsara iktar serja fil-futur.

Il-“paradigma teknokratika” hija t-tema tat-tieni kapitlu, fejn il-Papa jisħaq li n-natura mhix xi riżorsa biex tiġi sfruttata bl-addoċċ u jħeġġiġna nirrikonoxxu li l-ambizzjoni bla limiti mhix etikament sostenibbli (28).

Fit-tielet kapitlu jirriferi għad-“dgħufija tal-politika internazzjonali” u jagħfas fuq il-ħtieġa urġenti għal koperazzjoni globali permezz ta’ ftehim multilaterali ġdid bejn l-Istati, għax il-passi li ttieħdu jew qed jittieħdu sa issa mhumiex biżżejjed (43).

Il-Papa fir-raba’ kapitlu jirrifletti fuq “konferenzi dwar il-klima: progress u fallimenti” u jħeġġeġ biex, għall-benefiċċju tal-ġid komuni globali (44, 52), jintrebħu l-pożizzjonijiet egoistiċi ta’ xi pajjiżi, u fil-ħames kapitlu biex nirriflettu fuq “x’inhu mistenni mill-COP28 f’Dubai” jekk ma rridux li nikkundannaw lill-umanità.

“Motivazzjonijiet Spiritwali”, l-aħħar kapitlu tal-Eżortazzjoni Laudate Deum, hu sejħa tal-Papa għar-rispons minn membri ta’ kull konfessjoni reliġjuża. Ifakkar ukoll lill-Kattoliċi li fid-dawl tal-fidi għandhom responsabbiltà li jieħdu ħsieb tal-ħolqien ta’ Alla u li dan jimplika rispett għal-liġijiet tan-natura u għarfien tal-ġmiel u l-għana tal-ħolqien ta’ Alla.

Fl-aħħar nett, il-Papa Franġisku jistedinna lkoll nimxu fil-komunjoni, flimkien, sinodalment, u biex inħabirku għar-“rikonċiljazzjoni mad-dinja li tagħtina kenn” (69).

Il-Laudate Deum, li xxandret proprju fl-istess jum tal-ftuħ tas-Sinodu, tinsab ippubblikata diġà fi tmien lingwi.

Sors: Newsbook.com.mt