• Il‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s‑sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adoloxxenti fil‑Parroċċa ta’ San Pawl il‑Baħar.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

    Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata
    3 ta’ Lulju 2016
    Meta aħna sejjaħna l-ismijiet tagħkom qamu magħkom immedjatament, kważi b’istint qawwi, il-parrini tagħkom. Nawguralkom ħafna l-ewwel nett f’dan il-jum sabiħ u nfakkarkom f’dak li hemm fl-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Isaija: “Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha! Aqbżu bil-ferħ. Ara se nifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara” (Is 66, 10.12).
    Jekk intom tridu tindunaw fil-ħajja tagħkom li l-Ispirtu qaddis li se tirċievu llum, l-Ispirtu s-Santu, qiegħed jaħdem fil-qalb tagħkom u l-preżenza tiegħu qiegħda tħalli frott, staqsu lilkom infuskom din id-domanda ċkejkna: ‘jiena, fil-qalb tiegħi, għandi l-paċi?’ L-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-qalb tiegħek u juri l-frott tiegħu fik billi l-ewwel nett jimla l-qalb tiegħek b’ħafna paċi.
    Meta Ġesù bagħat grupp kbir ta’ dixxipli u allura għamilhom appostli għax bagħthom, bħalma qiegħed jibgħat lilkom, bagħthom tnejn tnejn biex ħadd ma jħossu waħdu. Qalilhom li l-ħsad huwa kbir, li hemm bżonn jitolbu ħafna lil Sid il-ħsad u qalilhom ukoll biex ma jiddependux fuq il-qawwa, l-intelliġenza, l-għana tagħhom, għax il-messaġġ huwa ħafna urġenti imma mhuwiex tagħhom. U x’qalilhom iwasslu lid-djar u l-ibliet fejn bagħthom, fejn bagħthom qablu? “Sliem lil din id-dar. Lin-nies għidulhom: “is-Saltna ta’Alla waslitilkom”, il-belt jew id-dar li ma tilqgħakomx, toqgħodux tinkwetaw, hija responsabbiltà ta’ min ma jridx jilqa’ lill-Mulej. Id-deċiżjoni hija libera. (ara Lq 10, 1-12).
    Jiena nagħmel mistoqsija lill kull wieħed u waħda minnkom illum: dak li se tagħmlu llum, veru li għalikom ifisser li tridu tilqgħu lil Ġesù, jew sempliċement ċerimonja biex aħna nifirħu magħkom, u nagħmlu tajjeb? Intom illum ħa ġġeddu, bħala adulti, jiġifieri żgħażagħ li jafu x’qegħdin jagħmlu, il-wegħdiet tal-Magħmudija. Meta ħadtu l-Magħmudija kontu trabi ħafna minnkom.
    Anke aħna ħafna minna ma niftakrux il-Magħmudija tagħna imma f’ħajjitna ikollna ħafna opportunitajiet niftakru fil-Magħmudija u nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, niċħdu lix-xitan, dak li d-dixxipli bil-qawwa ta’ Ġesù setgħu jkeċċu. “Mulej anke x-xjaten ukoll joqgħodu għalina minħabba f’ismek” (v. 17). Inti qed tingħata din il-qawwa llum li tirbaħ in-nases, l-inganni, l-għira u l-mibegħda tax-xitan għalik, għax inti qed tieħu fuqek il-qawwa ta’ Ġesù.
    Fin-nofs ta’ dawn id-doni hemm il-qawwa. Din il-qawwa mhix ġejja minnek, hija mogħtija bħala don, don li biha inti tiċħad lix-xitan u tagħżel lil Ġesù, bħalma qed jagħmlu ħafna żgħażagħ li meta Daesh jew ISIS jgħidulhom: ‘intom x’tagħżlu? Lil Ġesù n-Nażżri jew inkella li tiċħduh? Jekk tiċħduh nagħmlukom sinjuri; jekk tagħżluh noqtlukom’. U ħafna jibqgħu jagħżlu lil Ġesù. U inti din l-għażla tagħmilha għax ikollok il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Tibżgħux mill-isfidi tal-ħajja għax jaslu fuq kull wieħed u waħda minna, imma ftakar li llum qed tingħata qawwa fuq il-ħażen ta’ madwarek u anke fit-tentazzjonji li jkidduk.
    Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom ukoll biex fejn imorru jieklu minn dak li jagħtuhom, jilqgħu l-kulturi fejn ikunu, imma wkoll iwasslu l-fejqan. Inti se tikber ħafna – kemm jekk inti tfajla, kemm jekk ġuvni – li llum ħa tirċievi l-Griżma, se tikber fil-ġisem, fil-moħħ, fil-qalb, fir-ruħ. Inti tgħid: ‘jiena rrid nagħmel bħal sħabi’. Skont! Qabel tgħid: ‘jien ħa nagħmel bħal sħabi’ staqsi lilek innifsek: ‘kieku Ġesù kellu jkun f’posti, x’għażla jagħmel?’ Għax inti trid tilbes fil-qalb tiegħek, mhux bħala libsa li tneħħiha, il-mentalità, il-qalb ta’ Ġesù. Trid tirraġuna bħalu! Tgħidli: ‘imma jiena ħafna affarijiet ma nafx ħafna fuqhom’. Illum mhux graduation mill-M.U.S.E.U.M. jew inkella mill-formazzjoni; jien mhux se nagħtik xi degree, issa tgħallimt kollox jew m’għandekx bżonn iżjed tagħlim. Anzi, issa se jibda s-sabiħ tal-ħajja li, fit-tagħlim u anke fil-katekeżi nawgura u nispera li intom tibdew tiddiskutu affarijiet li jolqtukom fil-laħam il-ħaj.
    Jiena nawgura li l-ġenituri jinkuraġġukom tfittxu tagħlim Nisrani, anke l-ġenituri bħalissa ġew mistoqsija jekk iħallux ir-reliġjon f’isimkom biex intom titgħallmu l-etika. Għal min m’għandux it-tagħlim tar-reliġjon, tajjeb li jkun hemm is-suġġett ta’ l-etika li jgħallmek kif tgħix ta’ nies. Imma jekk inti Nisrani u l-ġenituri tiegħek ġabuk hawn illum, l-għażla hija ċara li jkunu jridu li inti fl-iskola tkompli titgħallem ir-reliġjon u jiena bħala Isqof għandi dover li dak li titgħallem ikun interessanti, mhux boring. Dik hija responsabbiltà li qed nitgħabba biha jien.
    L-għażla tiegħek u tal-ġenituri tiegħek trid tkun li tkompli targumenta fuq il-ħajja, fuq il-mewt, fuq il-ġustizzja soċjali, fid-dawl tat-tagħlim ta’ Kristu. Mhux nibilgħu jew inbellgħu r-ross bil-labra, le! Niddiskutu, imma aħna llum se nirċievu l-Ispirtu s-Santu għax nemmnu li aħna mibgħuta fid-dinja – mhux aħna biss ta – “bħal ħrief qalb l-ilpup” (v. 3). Intom żgħażagħ ta’ tjubija kbira, ‘il quddiem twebbsu raskom iżjed milli hi iebsa llum – il-ġenituri jafu x’qed ngħid – u se tkunu mibgħutin fid-dinja għax il-ġenituri ma jistgħux jaqbdukom minn idejkom u jkunu magħkom il-ħin kollu, se tkunu mibgħutin fid-dinja bħal ħrief qalb l-ilpup. Il-lupu li jrid idarrik id-droga, il-lupu li jrid jinqeda bik u jittradik, il-lupu li jrid jisirqek, il-lupu li jgħir għalik.
    Intom mibgħutin fid-dinja “bħal ħrief qalb l-ilpup” imma l-Ispirtu s-Santu qiegħed miegħek għalhekk għandek bżonn id-don tal-għaqal, tal-fehma, tal-biża’ t’Alla. Il-biża’ mhux li titwerwer minnu, imma li tobdih, li tisimgħu.
    Jiena ngħabbi bir-responsabbiltà lill-parrini. Se niltaqa’ magħkom, ħadt pjaċir li meta ssejħu l-ismijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ, anke intom qomtu magħhom, ilkoll kemm intom magħhom. Għaliex intom illum hemm rabta spiritwali bis-sagrament tal-Griżma, hemm rabta spiritwali bejn il-parrina u l-filjozza, jew il-parrinu u l-filjozz tiegħu. Għall-parrini din hija rabta spiritwali li tfisser li trid titlob, tagħti sapport, u tagħti eżempju. Itolbu kuljum għall-filjozzi  tagħkom. Għinuhom billi ddawlulhom il-menti tagħhom bil-parir it-tajjeb u fuq kollox bl-eżempju. ‘Il quddiem jixbgħu jiġu l-quddies, għalkemm ma nistax nifhem kif ma tiġix hawnhekk f’din il-Knisja b’dan l-air conditioner. Jiena nispera li aħna d-djoċesani nitgħallmu ftit mill-għerf tal-Patrijiet mhux kultant immur fi Knisja u nkun se ndub. U jgħidlek: ‘jien m’għandix aptit nisma’ lil dak il-Patri għax dejjem  – forsi għax idum jippriedka, nispera ma jdumux ħafna għax inkella l-Patri jekk iħossu frisk jgħid: ‘u iva, ħa ngħid kelma żejda!’.  Aħjar kelma nieqsa milli kelma żejda. Imma jgħidlek: ‘jien m’għandix aptit niġi’. U int, parrinu kif se tgħidlu biex imur il-quddies jekk hu jgħidlek: ‘u inti għax ma tarax inti l-ewwel x’tagħmel?’ L-eżempju!  
    Lill-ġenituri, jiena nirringrazzjahom talli lil uliedhom akkompanjawhom ukoll illum għal dan il-mument sabiħ u importanti. Il-Mulej ibierek l-imħabba tagħkom, l-isforzi tagħkom u jagħtikom ukoll il-ferħ li taraw lil uliedkom jikbru ta’ Nsara, mimlijin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-biża’ tal-Mulej, imma anke bl-għerf tiegħU biex huma li huma “ħrief mibgħuta qalb l-ilpup”, bil-kuraġġ tagħhom jibqgħu jagħtu xhieda sabiħa lil Ġesù s-Salvatur.
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
     
    Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja