Marija, ħares lejna!  Ninsabu hawn quddiemek. Inti Omm, taf x’inhuma t-toqol tagħna u l-ġrieħi tagħna. Inti, Reġina tal-Paċi, tbati magħna u għalina x’ħin tara lil uliedek għajjiena minħabba l-kunflitti, bid-dieqa f’qalbhom minħabba l-gwerer li qed ikissru d-dinja.

Siegħa ta’ dlam. Din hi siegħa ta’ dlam, Omm tagħna. U f’dis-siegħa ta’ dlam aħna nintilfu f’għajnejk ileqqu u nafdaw ruħna fil-qalb ħanina tiegħek, sensibbli għall-problemi tagħna.  Qalbek ma kinitx meħlusa mill-inkwiet u l-biża’: kemm ansjetà meta ma kienx hemm post għal Ġesù fil-lukanda, kemm biża’ meta bil-ħeffa ħrabtu lejn l-Eġittu għax Erodi ried joqtlu, kemm swied il-qalb meta tliftuh fit-tempju! Imma, Omm tagħna, waqt il-provi int kont kuraġġuża, ma qtajtx qalbek: afdajt f’Alla u għal dawk il-preokkupazzjonijiet weġibt bil-kura, għall-biża’ bl-imħabba, għall-ansjetà bl-offerta. Omm tagħna, inti ma bqajtx lura, iżda fil-mumenti deċisivi ħadt l-inizjattiva: bil-ħeffa mort għand Eliżabetta, fit-tieġ ta’ Kana ksibt mingħand Ġesù l-ewwel miraklu, fiċ-Ċenaklu żammejt lid-dixxipli magħqudin. U meta fuq il-Kalvarju sejf nifidlek ruħek, Omm tagħna, mara umli, mara qawwija, il-lejl tad-dulur insiġtu bit-tama tal-Għid.

Issa, Omm tagħna, erġa’ ħu l-inizjattiva għal darboħra; ħudha f’isimna, f’dawn iż-żminijiet mifnijin bil-gwerer u mkissrin bl-armi. Dawwar ħarstek ħanina fuq il-familja umana, li nsiet it-triq tal-paċi, li għażlet lil Kajin minflok lil Abel u, għax tilfet is-sens tal-fraternità mhix qed issib l-atmosfera tad-dar.  Interċedi għad-dinja tagħna li tinsab fil-periklu u ta’ taħt fuq.  Għallimna nilqgħu u nieħdu ħsieb il-ħajja – kull ħajja umana! – u għallimna nirrifjutaw il-ġenn tal-gwerra, li tiżra’ l-mewt u xxejjen il-ġejjieni.

Marija, bosta drabi ġejt tiltaqa’ magħna, titlobna t-talb u l-penitenza.  Però, aħna, moħħna biss fil-ħtiġijiet tagħna u aljenati mill-interessi tad-dinja, bqajna torox għall-istedin tiegħek. Iżda inti, li tħobbna, ma taqtax qalbek minna, Omm tagħna. Aqbadna minn idejna. Aqbadna min idejna u mexxina lejn il-konverżjoni, għamel li nerġgħu nqiegħdu lil Alla fl-ewwel post.  Għinna nħarsu l-għaqda fil-Knisja u nkunu artiġġjani tal-komunjoni fid-dinja. Erġa’ fakkarna fl-importanza tal-irwol tagħna, agħmilna responsabbli tal-paċi, imsejħin biex nitolbu u naduraw, biex ninterċedu u npattu għall-ġeneru uman kollu kemm hu.

Omm tagħna, waħedna ma naslux, mingħajr Ibnek ma nistgħu nagħmlu xejn.  Imma int terġa’ toħodna għand Ġesù li hu l-paċi tagħna.  Għalhekk, Omm Alla u Ommna, aħna niġu għandek, infittxu kenn fil-qalb immakulata tiegħek. Ninvokaw il-ħniena, Omm tal-ħniena; paċi, Reġina tal-paċi! Ċaqlaq il-qlub ta’ min hu maqbud fin-nassa tal-mibegħda, ikkonverti lil min ixewwex u jkebbes il-kunflitti. Imsaħ id-dmugħ tat-tfal – f’dis-siegħa qalbhom maqsuma bil-biki! -, għin lil min hu waħdu jew anzjan, wieżen lill-feruti u lill-morda, ħares lil min kellu jħalli pajjiżu u kulma hu l-aktar għażiż għalih, farraġ lil min tilef il-fiduċja, erġa’ kebbes it-tama.

Nafdaw f’idejk u nikkonsagrawlek ħajjitna, kull fibra ta’ dak li aħna, ta’ dak li għandna, għal dejjem. Nikkonsagrawlek il-Knisja sabiex bħala xhud tal-imħabba ta’ Kristu lid-dinja, tkun sinjal ta’ armonija, strument tal-paċi.  Nikkonsagrawlek id-dinja tagħna, nikkonsagrawlek b’mod speċjali il-pajjiżi u r-reġjuni li qiegħdin fi gwerra.

Il-poplu tal-fidili jgħarfek bħala ż-żerniq tas-salvazzjoni: Omm tagħna, iftaħ raġġi ta’ dawl f’dal-lejl ta’ kunflitti. Int, għamara tal-Ispirtu s-Santu, nebbaħ it-toroq tal-paċi lil min hu responsabbli min-nazzjonijiet. Int, Sinjura tal-popli kollha, irrikonċilja lil uliedek, imsaħħrin mill-ħażen, mogħmija mis-setgħa u mill-mibegħda. Int, li int qrib kulħadd, naqqas id-distanzi ta’ bejnietna. Inti li tħenn għal kulħadd, għallimna nieħdu ħsieb l-oħrajn, agħmilna xhieda tal-faraġ tiegħek. Omm tagħna, Int, Reġina tal-paċi, sawwab l-armonija ta’ Alla fil-qlub.  Ammen.

Sors: laikos.org