Il-Qaddejja Taċ-Ċenaklu rebħu l-premju Nazzareno Vassallo 2023, li għandu l-iskop li jirrikonoxxi individwi li jaħdmu bi sħiħ u b’dedikazzjoni kbira u li jħalli impatt pożittiv fil-ħajja tal-anzjani.

Il-Qaddejja taċ-Ċenaklu jafu l-bidu tagħhom 59 sena ilu. Huma għaqda ta’ 9 nisa kkonsagrati, li jagħtu ħajjithom lil Alla fit-talb u l-għajnuna lis-saċerdoti anzjani.

Ibbażati fid-Dar tal-Kleru, f’Birkirkara, il-Qaddejja taċ-Ċenaklu jieħdu ħsieb 45 resident. Huma jgħamlu minn kollox sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ qassisin irtirati u li għandhom bżonn kura medika. Li kieku wieħed ikollu jgħodd l-ammont ta’ snin li kull membru ddedika lejn din il-missjoni, l-ammont ilaħħaq it-335 sena.

Din is-sena l-bord tal-għażla kien imexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, u kien jinkludi ukoll lil Rosette Bonello, Holger Suarez, Alexander Schembri kif ukoll lil Keith Demicoli.

Fir-rapport li tħejja mill-eks Prim Ministru Gonzi, ingħad li meta ġiet ikkunsidrata n-nominazzjoni tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, il-bord tal-għażla nnota l-fatt li din il-ħidma ilha ssir snin twal, ħafna drabi fis-skiet u mingħajr pubbliċita’. Għalkemm in-numru ta’ saċerdoti li magħhom jaħdem dan il-grupp ta’ sorijiet forsi jidher relattivament żgħir, kull wieħed minn dawn is-saċerdoti wettaq ħidma ma’ eluf ta’ persuni għal snin twal.

Riflessjoni oħra li ssemmiet mill-bord tal-għażla kienet li xtaqu li l-għoti ta’ dan il-premju lill-Qaddejja taċ-Ċenaklu jservi bħala messaġġ ta’ apprezzament għall-ħidma sfiqa li twettqet mis-saċerdoti u mexxejja spiritwali matul ħajjithom kollha għall-gid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ dan l-unur saret fil-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, George Vella. Dan il-premju tnieda 25 sena ilu u jiġi organizzat minn Vassallo Group u CareMalta Group, li din is-sena qed jiċċelebra t-30 Anniversarju. Dan ir-rikonoxximent għandu l-għan li jwassal għal aktar għarfien dwar il-ħidma li ssir fost l-anzjani, biex ikollhom kwalitá ta’ ħajja aħjar, u li forsi dik il-ħidma li tkun qed issir ma tantx tissemma’.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata miċ-Ċhairperson ta’ Vassallo Group Natalie Briffa Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta Group, James Sciriha. Fost dawk li attendew iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group Pio Vassallo.

Il-persuni jew għaqdiet oħra li ġew nominati din is-sena kienu l-attivist dwar l-kundizzjoni tal-Parkinsons’ Adrian Casha, il-Kummissjoni Djakonija Ħad-Dingli, Fr Marcellino Micallef, John B Pace, il-Palliative Care Team, Bernardette Psaila, il-Kumitat tal-Grupp RO-SE, u Stanley Pace.

Sors: Newsbook.com.mt