L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fil-festa ta’ Ġesù bħala Sultan, illum niltaqgħu miegħu bħala mħallef ġust għaliex mhux biss jagħtina sentenza skont il-verità imma wkoll imħallef ġust li jikkonferma l-għażliet li nkunu għamilna fil-ħajja tagħna.
Huwa r-ragħaj li jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. Ovvjament din hija kategorija allegorika. M’għandna xejn kontra l-mogħoż u lanqas kontra n-nagħaġ. Kultant ngħidu li xi ħadd huwa bodbod imma l-bdabad ukoll maħluqa minn Alla u kulma ħalaq Alla huwa tajjeb. Huma kategoriji li jiddistingwu skont l-għażliet li nagħmlu aħna għaliex il-mistoqsija li jagħmlilna hija: imma intom kif ħadtu ħsieb xulxin?
Ir-Re li aħna qegħdin nqimu llum jingħad magħmul lilu mhux l-unuri, bħall-inċens li naħarqulu, ix-xemgħat li nixegħlulu, l-istatwi li nqimulu bix-xbieha tiegħu, imma jingħad magħmul miegħu nnifsu kif nitrattaw lil xulxin. U aħna nistaqsuh: fejn trattajtek tajjeb, fejn itrattajtek ħażin? Nisimgħuh jgħid: “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:44).
Ejjew inħarsu lejn il-kbarat tad-dinja, lejn ir-rejiet li ġew fl-istorja tal-umanità, lejn dawk li għandhom l-awtorità. Illum ma jsejħulhomx re, isejħulhom presidenti u ħafna titli oħra. Imma meta jħarsu lejn il-poplu afdat f’idejhom, ilkoll jgħidu: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi?” Forsi din hija xi ħaġa karattarestika tas-ultan li qegħdin inqimu u niċċelebraw illum li għandna bżonn niftakruha. Tajjeb ukoll niftakru li meta nħarsu lejn xulxin qegħdin nilmħu x-xbieha tas-Sultan tagħna. Għax jekk is-slaten ta’ din id-dinja, il-presidenti, ir-repubbliċi, ipoġġu fuq il-muniti, fuq l-armi x-xbieha tagħhom, ix-xbieha tiegħu l-Mulej poġġieha f’kull wieħed u waħda minna. Jekk trid issib ix-xbieha tal-Mulej ħaj ħares lejn ħuk jew oħtok.
Illum aħna nqimuh bħala r-ragħaj li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin u jirrispetta l-għażliet li għamilna sal-konsegwenzi aħħarija tagħhom. Allura din il-festa, b’mod speċjali din is-sena aħna u naqraw is-silta mill-kapitlu 25 ta’ San Mattew, għandha tixprunana biex inqimu lis-Sultan tagħna fil-proxxmu tagħna.
Illum niċċelebraw il-fatt li bħala familja ta’ Ġesù, bħala l-Knisja ta’ Ġesù, aħna għandna tradizzjoni kbar ta’ nies qaddisa u ta’ profeti li għallmuna x’jiġifieri tlibbes lil min hu għarwien, tgħallem lil min ma jafx, tisqi u titma’ lil min hu bil-għatx u bil-ġuħ, u li tieħu ħsieb il-morda. It-tradizzjoni Nisranija hi mimlija ix-xhieda ta’ dawn il-profeti. Waħda mill-profeti l-kbar l-iżjed qrib tagħna, illum qaddisa, hi Madre Tereża ta’ Kalkutta, li għexet il-kelma ta’ Ġesù sal-aħħar konsegwenzi tagħha.
Imma jiena u inti f’kull atteġġjament tagħna, f’kull kelma li ngħidu, f’kull ħarsa li biha niltaqgħu ma’ ħutna, irid ikollna din il-konvinzjoni, dik il-kelma tidwi, il-kelma tas-Sultan tagħna: “Kulma għamiltu ma l-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi”.
Illum ma nistgħux ninsew fit-traġedja ta’ popli anke fl-art fejn għex Ġesù u mhux biss. Popli li qegħdin isofru minħabba l-kattiverja u l-politika malizzjuża u l-mibegħda tan-nies li jmexxu jew ma jmexxux.
Illum, bħala backdrop tal-quddiesa, għandi ajruplan pjuttost antik, u ma naħsibx nitħajjar insiefer bih. Dan l-ajruplan jagħmel parti minn dan il-mużew interessanti ħafna għax kull ajruplan li hawn għandu storja partikolari, għandu d-DNA tiegħu. Dalgħodu spjegawli li dan ajruplan kien jintuża fil-gwerra imma l-iżjed parti importanti tal-karriera ta’ dan l-ajruplan kienet missjonijiet ta’ salvataġġ biex iwassal il-pellegrini u anke biex iwassal l-għajnuna. Xi ħaġa li tista’ tintuża għall-gwerra kellha uża sabiħ ta’ solidarjetà.
Forsi dan hu li jixtieq minna llum is-Sultan tagħna: li l-enerġija kollha tagħna l-bnedmin li ħafna drabi naħluha bħala strument tal-mibegħda bejn xulxin, tar-rabja li għandna għal xulxin, nikkonvertuha u nbiddluha f’enerġija ta’ solidarjetà u ta’ mħabba. Dan ikun il-mument fejn anke ż-żgħażagħ madwar id-dinja, bħalma qegħdin jagħmlu fl-attiviżmu biex iħarsu l-klima u l-ħolqien, fl-attiviżmu għall-paċi, għall-ġustizzja soċjali, jgħollu għajta ta’ tama. Id-dinja tista’ tkun aħjar u r-risposta mhix f’ħaddieħor, mhux il-kbarat tad-dinja, ir-risposta hija f’qalbi u f’qalbek waqt li niftakru fil-kelma tas-Sultan tagħna: “Dak li għamilt mal-iżgħar fost ħuti għamiltu miegħi”.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 34, 11-12.15-17
Salm: 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: 1 Kor 15, 20-26.28
L-Evanġelju: Mt 25, 31-46