L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kliemi ma jgħaddix” (Lq 21:33). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa, u jgħid dan f’kuntrast mas-sema u l-art. Jgħid: “Is-sema u l-art jgħaddu imma kliemi ma jgħaddix”. Qed jgħid xi ħaġa kbira ħafna, għax meta jgħid “is-sema u l-art”, qed jgħid kollox, ir-realtà kollha tal-ħajja tagħna. Kollox jgħaddi imma kliemu ma jgħaddix.
Ġesù jgħid li kollox jgħaddi. U aħna nafu li din hi l-esperjenza tal-ħajja tagħna l-bnedmin. Xejn mhu għal dejjem. Kollox se jkollu, xi mument jew ieħor, it-tmiem tiegħu. Għalhekk l-ewwel messaġġ li qed jagħti Ġesù lilna, bħala dixxipli tiegħu, hu li aħna ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi. Għax jekk norbtu qalbna ma’ dak li jgħaddi, ifisser li qed norbtu qalbna ma’ xi ħaġa li tispiċċa fix-xejn. U nindunaw mill-ħajja tagħna stess li jew aħna ngħaddu – u nħallu l-affarijiet hawnhekk, dak li nkunu ggranfajna miegħu jibqa’ hawn – jew inkella f’mument minnhom se jispiċċa kollox.
Imma Ġesù jgħid messaġġ ieħor importanti ħafna. Mhux biss li ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi, imma jgħid: “kliemi ma jgħaddix”. Il-kelma tiegħu għandha valur li tibqa’ għal ħajja ta’ dejjem. Niftakru f’dak l-episodju sabiħ – sabiħ minħabba dak li qal Pietru – meta Ġesù kien qed jitkellem u xi dixxipli qalu “iebes dan il-kliem!” (Ġw 6:60) U l-Evanġelju jgħid li “minn dik inhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh” (Ġw 6:66). U Ġesù dar fuq it-tnax u qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll?” Pietru qallu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. U aħna emminna u għarafna li int il-qaddis ta’ Alla” (Ġw 6:67-69). Innutaw “il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” – hu l-istess li qed jgħid Ġesù hawnhekk “kliemi ma jgħaddix”.
Għalhekk importanti li aħna nieħdu dan il-messaġġ għall-ħajja tagħna: li aħna norbtu qalbna mal-kelma ta’ Ġesù, il-kelma li tibqa’, li ma tgħaddix. Il-kelma ta’ Ġesù hija kelma li ma tqarraqx bina imma turina dak li hu veru. Hija kelma li ma tgħidx sempliċiment dak li jogħġobna, imma turina r-realtà sħiħa tal-ħajja. Hija kelma li ma ddaħħalniex ġo ħajt, imma turina t-triq li għandna naqbdu li tagħmlilna l-ġid. Hija kelma li tħalliniex fejn aħna, nistaġnaw, imma tgħinna biex ninbidlu għall-aħjar. Hija kelma li ma tgħidx sempliċiment dak li jaqblilna fil-mument, imma tagħtina viżjoni fil-ħajja u turina dak li hu l-aħjar għalina, mhux sempliċiment dak li jaqblilna dak il-ħin.
Għalhekk il-kelma ta’ Ġesù hija kelma li lilna qatt ma tħallina fil-biża’ jew inkella maħkumin mill-qtigħ tal-qalb. Kultant jista jiġri li minħabba s-sitwazzjoni ta’ madwarna, jew inkella minħabba n-nuqqasijiet stess tagħna, aħna naħbtu naqtgħu qalbna. Imma l-kelma ta’ Ġesù tgħinna biex qatt ma naqtgħu qalbna, dejjem nimxu ’l quddiem b’kuraġġ, għax hi kelma li tgħinna negħlbu l-biża’. Hija kelma li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem, fejn aħna rridu naslu, u lejn fejn mexjin.
Ġesu, f’mument minnhom, lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Il-kliem li jien għedtilkom huwa spirtu u ħajja” (Ġw 6:63). Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna din il-kelma tiegħu dejjem nilqgħuha, ngħożżuha, ngħixuha, għax hi l-kelma li għandha valur etern. Nitolbuh li aħna dejjem norbtu qalbna mal-kelma tiegħu li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem, u fl-istess waqt tgħinna biex, f’din id-dinja nagħrfu kif ngħixu aħjar iż-żmien li għandna hawnhekk.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju