Minn Awwissu tas-sena d-dieħla, Fr Eric Cachia se jservi bħala Superjur tal-Viċi Provinċja Sależjana Marija Għajnuna tal-Insara f’Malta għal perjodu ta’ sitt snin, bejn l-2024 u l-2030.

L-approvazzjoni ta’ Fr Eric Cachia ngħatat minn Fr Ángel Fernández Artime., ir-Rettur Maġġuri tas-Sależjani ta’ Don Bosco, waqt is-sessjoni plenarja tax-xitwa tal-Kunsill Ġenerali ta’ din l-ordni, bl-approvazzjoni tal-membri tal-Kunsill.

B’din in-nomina, Fr Eric se jsir it-tieni Superjur tas-Sależjani f’Malta, mindu l-komunità f’Malta kienet stabbilita bħala Viċi Provinċja tas-Sależjani, iddedikata lil Marija Għajnuna tal-Insara. Hu jieħu post Fr Paul Formosa, li t-terminu tiegħu jiskadi f’Awwissu 2024.

Fr Cachia twieled fl-4 ta’ Awwissu 1976 u wettaq in-novizzjat tiegħu f’Lanuvio, l-Italja, bejn l-1995 u l-1996. Hu għamel l-ewwel professjoni tiegħu fit-8 ta’ Settembru tal-1996, fil-Bażilika tal-Qalb Imqaddsa f’Ruma, u l-professjoni perpetwa fid-29 ta’ Awwissu tal-2003, f’Ħal Qormi. Fr Eric kien ordnat qassis fil-21 ta’ Lulju 2005.

Mindu kien ordnat, Fr Eric serva diversi rwoli fosthom bħala Economer (amministratur) f’Dar Sant’Alfonsu f’Tas-Sliema bejn l-2005 u l-2011, Prinċipal u Vigarju fost il-kounità tas-Sależjani f’Ħad-Dingli, u Rettur u Surmast fost il-komunità St Patrick f’Tas-Sliema.

Fuq livell provinċjali, Fr Eric serva bħala Kunsillier tad-Delegazzjoni ta’ Malta bejn l-2006 u l-2008, qabel mal-komunità Sależjana f’Malta kienet elevata għal Viċi Provinċja, kif ukoll Delegat għall-Ministeru taż-Żgħażagħ.

Għal għaxar snin, bejn l-2008 u l-2018, Fr Eric serva wkoll bħala Economer tad-Delegazzjoni Maltija, u minn dak iż-żmien okkupa l-istess kariga tal-Viċi Provinċja ta’ Malta.

Sors: Newsbook.com.mt