Meta tnejn min-nies jitolbu barka, imqar jekk is-sitwazzjoni tagħhom bħala koppja hi “irregolari”, ikun possibbli li ministru ordnat jagħmel barka fuqhom. Imma dan il-ġest ta’ qrubija pastorali jrid jevita kull element li b’xi mod jixbah lil rit ta’ żwieġ.
Dan hu li tgħid id-Dikjarazzjoni Fiducia supplicans dwar it-tifsira pastorali tal-barkiet, ippubblikata llum mid-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi u approvata mill-Papa Franġisku.
Id-dokument jidħol fil-fond tat-tema tal-barkiet, u jagħmel distinzjoni bejn dawk ritwali u liturġiċi, u dawk spontanji li jixbhu aktar lil sinjali ta’ devozzjoni popolari. Preċiżament f’din it-tieni kategorija issa qed titqies il-possibbiltà li jiġu milqugħa wkoll dawk li ma jgħixux skont in-normi tad-duttrina morali Nisranija imma umilment jitolbu li jiġu mbierka.
Għaddew 23 sena mill-aħħar Dikjarazzjoni tas-‘Sant’Uffizzju’ dwar is-suġġett: l-aħħar dokument hekk importanti kien fil-fatt id-Dominus Jesus ta’ Awwissu 2000.
Fiducia supplicans tiftaħ b’introduzzjoni tal-Kardinal-Prefett Victor Fernandez, li jfisser li d-Dikjarazzjoni tħares lejn “it-tifsira pastorali tal-barkiet”, u tagħti lok għal “twessigħ u arrikkiment tal-għarfien klassiku” permezz ta’ riflessjoni teoloġika “mibnija fuq il-viżjoni pastorali tal-Papa Franġisku”, jiġifieri dik ta’ “ragħaj li qatt ma jagħlaq bibien lil ħadd”.
Hu żied li d-Dikjarazzjoni mhix tibdel “id-duttrina tradizzjonali tal-Knisja dwar iż-żwieġ”, għax ma tippermetti ebda rit liturġiku li b’xi mod jista’ jinftiehem bħala sagrament taż-żwieġ.
Mill-banda l-oħra, hi riflessjoni li “timplika żvilupp veru minn dak li ntqal sa issa dwar il-barkiet, u tasal għal għarfien tal-possibbiltà li jiġu mbierka koppji f’sitwazzjonijiet irregolari u koppji tal-istess sess, mingħajr ma uffiċjalment tiġi validata l-qagħda tagħhom jew b’xi mod jinbidel it-tagħlim li l-Knisja dejjem ħaddnet dwar iż-żwieġ”.
Id-distinzjoni li tagħmel id-Dikjarazzjoni hi bbażata fuq it-tweġiba li ta l-Papa Franġisku għal dubia ppubblikati f’Ottubru li għadda, li sejħu għal dixxerniment fuq il-possibbiltà ta’ “forom ta’ barkiet, mitluba minn persuna waħda jew iżjed, li ma jindikawx kunċett żbaljat ta’ żwieġ”. Fiha wieħed jaqra kif din it-tip ta’ barka “hi offruta lil kulħadd mingħajr ebda rekwiżit”, għax tgħin lill-persuni jħossuhom li xorta huma mberkin minkejja l-iżbalji tagħhom u li “Missierhom tas-Sema jibqa’ jixtieq il-ġid tagħhom u jittama li fl-aħħar mill-aħħar jiftħu qalbhom għat-tajjeb”.
Hekk, hemm “diversi okkażjonijiet meta persuna tista’ spontanjament titlob għal barka, sew jekk fuq pellegrinaġġ, f’santwarju, jew anki fit-triq meta tiltaqa’ ma’ qassis”, u dawn it-tip ta’ barkiet mhux liturġiċi “huma għal kulħadd; ħadd ma għandu jiġi eskluż minnhom”.
Barkiet f’sitwazzjonijiet partikulari ma għandhomx neċessarjament isiru n-norma, tkompli d-Dikjarazzjoni, imma għandhom jitħallew “għal dixxerniment prattiku f’ċirkustanzi partikulari”.
Anki jekk tiġi mbierka koppja f’sitwazzjoni irregolari, id-Dikjarazzjoni tkompli tisħaq li b’daqshekk ma tkunx qed tiġi mbierka l-unjoni, għax dak li jkun qed jiġi mbierek hu r-relazzjoni leġittima bejn iż-żewġ persuni: f’“talba qasira qabel il-barka spontanja, il-ministru ordnat jista’ jitlob li l-individwi jsibu l-paċi, is-saħħa, spirtu ta’ sabar, djalogu, u għajnuna reċiproka – imma wkoll id-dawl u l-qawwa ta’ Alla biex ikunu jistgħu jagħmlu r-rieda sħiħa tiegħu”.
Hu ċċarat ukoll li, biex tiġi evitata “kull forma ta’ konfużjoni jew skandlu”, meta koppja f’sitwazzjoni irregolari jew tal-istess sess titlob barka, din “ma għandha qatt tingħata waqt ċerimonji ta’ unjoni ċivili, u lanqas f’rabta magħhom. Lanqas tista’ ssir b’xi lbies, ġesti, jew kliem li huma parti miż-żwieġ” sagrament.
Mill-banda l-oħra, barkiet bħal dawn jistgħu jingħataw “f’kuntesti oħra, bħalma hi żjara lil santwarju, laqgħa ma’ saċerdot, talba fi grupp, jew waqt pellegrinaġġ”.
Dan kollu, tagħlaq id-Dikjarazzjoni, fid-dawl tal-fatt li “mqar meta r-relazzjoni ta’ persuna ma’ Alla hi mdallma mid-dnub, din dejjem tista’ titlob barka fuqha, u tiftaħ dirgħajha lejn Alla”, hekk li x-xewqa għal barka “tista’ tkun il-ġid possibbli f’xi sitwazzjonijiet”.
Sors: Newsbook Malta