L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għadna kemm smajna innu tassew antik li l-komunità kienet titlob fil-liturġija, fit-talb tagħha biex tiċċelebra dak li qegħdin infakkru llum: l-Iben t’Alla sar bniedem. U dan l-innu liturġiku daħal ukoll fil-Evanġelju skont San Ġwann, l-aħħar Evanġelju li nkiteb.
F’din in-nisġa ta’ ħsibijiet niltaqgħu mal-identità ta’ Ġesù. Huwa l-Kelma ta’ Alla. Huwa d-dawl, il-ħajja. Huwa wkoll l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Kelma oħra għażiża li għallimna l-Evanġelju skont San Ġwann hi li f’din it-tarbija, li tagħha qegħdin niċċelebraw it-twelid, hemm il-milja tal-grazzja. Il-grazzja hi mħabba mingħajr ma tistennieha: imħabba b’xejn; fi kliem ieħor imħabba gratwita mhux għax jistħoqqlok, mhux għax ħallast għaliha imma tirċeviha għax min iħobbok iħobbok u jsib fl-imħabba l-ferħ li jaqsam miegħek.
Grazzja u verità. Id-dinja għandha bżonn il-grazzja, din l-imħabba li ma tfittix lilha nnifisha u għandha bżonn il-verità. Kif inħarsu madwarna u ninnutaw kemm hemm nuqqas ta’ verità bejnietna, fid-dinja, forsi anke kif naħsbu fuqna nfusna. Kif inħarsu lejna u madwarna u naraw kemm hemm bżonn ta’ mħabba li ma tfittix lilha nnifisha. Kemm hemm bżonn ta’ ħniena fid-dinja, ta’ mogħdrija, il-pedament tal-veru paċi.
Aħna u naħsbu fl-art fejn twieled Ġesù li aħna nsejħulha ‘l-art imqaddsa’ nifhmu li f’din is-sena b’mod speċjali dawn iż-żewġ kelmiet ‘grazzja’ u ‘verità’ huma żewġ kelmiet li jfissru l-għatx ta’ popli sħaħ: tal-Palestina, ta’ Iżrael, ta’ dawk kollha li jixxenqu għall-ġustizzja fil-verità u fl-imħabba.
Il-Milied irid ikun messaġġ ta’ tama li aħna nistgħu ninħelsu mill-kefrija, mill-ebusija tal-qalb, mill-għatx għall-vendetta u nafdaw fil-Prinċep tas-sliem.
“Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Din il-kelma ta’ qsim il-qalb isseħħ kull darba li aħna nirrifjutaw li nilqgħu lil xulxin, kull darba li bil-ġudizzji tagħna nfarrku lil xulxin, kull darba li bil-kelma tagħna nkissru lil xulxin. Għaliex aħna f’dan il-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw niftakru li maħluqa xbieha tiegħu. Ried li x-xbieha tiegħu fil-ħolqien, aħna l-bnedmin, tkun sabiħa, tikseb id-dinjità sħiħa tagħha. U dak li għamilna xbieha tiegħu sar wieħed minna.
Ejjew nippruvaw nifhmu dan il-għaġeb ta’ ħniena, din il-meravilja ta’ misericordia. Dak li għamlek xbieha tiegħu sar bħalek biex ix-xbieha tiegħu fik tilma, tiddi, issir sabiħa. Inti tista’ tkasbar ix-xbieha tiegħu f’ħuk jew f’oħtok? Inti tista’ tkissirha b’kelma ħażina jew b’gidba jew b’azzjoni ħażina? U din il-ħaġa narawha ta’ spiss bejnietna, fostna u fid-dinja. U l-Milied irid ikun messaġġ ta’ tama li aħna nistgħu ninħelsu mill-kefrija, mill-ebusija tal-qalb, mill-għatx għall-vendetta u nafdaw fil-Prinċep tas-Sliem. Kien “id-dawl veru li jdawwal kull bniedem” (Ġw 1:9).
Ejjew nitolbu li aħna wkoll ikollna s-setgħa li nilqgħuh għax “lil dawk li laqgħuh tahom li jsiru ulied Alla, dawk li emmnu f’ismu” (Ġw 1:12). Mulej aħna nemmnu fik, aħna nemmnu fil-misteru tat-twelid qaddis tiegħek. Nitolbuk li għalina tkun dawl, għalina tkun ħajja, għalina tkun grazzja, verità, imħabba. Int li sirt wieħed minna, għallimna li nġorru x-xbieha tiegħek tiddi, sabiħa u li nieħdu ħsieb xulxin kif tridna int.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
L-Evanġelju: Ġw 1:1-18