Il‑kappillani tal‑parroċċi f’Malta ltaqgħu għal‑live‑in annwali, bit‑tema ta’ din is‑sena kienet ‘Knisja li Toħroġ’ f’sintonija mal‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali tal‑Knisja f’Malta ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Huma kellhom l‑opportunità jisimgħu u jirriflettu fuq kif ikunu preżenza ħajja fil‑komunità filwaqt li jħabbru l‑ferħ tal‑Evanġelju.

Matul dawn il‑jiem diversi mistiedna tkellmu dwar il‑ħidma tagħhom f’realtajiet differenti tas‑soċjetà u kif il‑parroċċi jistgħu jagħmlu differenza f’ħajjet in‑nies f’dawn ir‑realtajiet. Fost ir‑realtajiet li ssemmew hemm: il‑faqar, in‑nies bla saqaf fuq rashom, il‑prostituzzjoni, is‑solitudni, l‑immaniġġjar ta’ flus, it‑trobbija tat‑tfal, l‑użu esaġerat tat‑teknoloġija, kif ukoll problemi ta’ għajxien u l‑kwalità tal‑ħajja. Uħud tkellmu dwar kif il‑parroċċi tagħhom joħorġu, jilqgħu u jakkumpanjaw lin‑nies li jinsabu fil‑periferiji.

Il‑messaġġ tal‑Arċisqof lill‑kappillani fis‑70 parroċċa f’Malta beda b’ringrazzjament lil Alla talli s‑soċjetà Maltija għadha għatxana għall‑preżenza tas‑saċerdot. Hu rringrazzjahom tal‑ħidma kontinwa tagħhom fil‑parroċċi u li b’viċinanza, kompassjoni u b’tenerezza huma qrib tal‑poplu ta’ Alla, b’mod speċjali fil‑mumenti ta’ tbatija. Madankollu, l‑Arċisqof saħaq li s‑saċerdot għandu r-rwol li jieħu ħsieb ukoll lil dawk li mhumiex qrib tal‑Knisja jew jinsabu fil‑periferija.

Parti mil‑live‑in kien iffukat fuq il‑ħidma pastorali tal‑kappillani maż‑żgħażagħ. Benjamin Flores Martin mill‑MCYN u Clive Bonnici minn PRISMS tkellmu dwar kif l‑isfidi ta’ lingwaġġ, kulturi u mentalità m’għandhomx jaqtgħu qalb il‑kappillani fil‑parroċċi fl‑akkumpanjament tagħhom maż‑żgħażagħ.

Dun Jimmy Bonnici u Patri Frankie Cini MSSP għenu lis‑saċerdoti jirriflettu dwar il‑vokazzjoni u l‑missjoni saċerdotali tagħhom f’soċjetà li qed tinbidel kontinwament. Semmew ukoll l‑importanza tal‑qadi, tal‑preżenza tal‑kappillan mal‑poplu t’Alla u li jkun l‑melħ li jagħti togħma tajba lill‑parroċċa.

Il‑kelliema mistiedna din is‑sena kienu: Rev. Prof. Mark Sultana, Albert Debono mit‑Taqsima Djakonia Parroċċi, il‑Kap Eżekuttiv tal‑YMCA Anthony Camilleri, Tracy Vella minn Fondazzjoni Suret il‑Bniedem, Maria Borg Pellicano minn Dar Hosea, u d‑Dekan tal‑Fakultà għat‑Tisħiħ għas‑Soċjetà l‑Prof. Andrew Azzopardi.

Il‑live‑in ġie organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani bejn id‑9 u l‑11 ta’ Jannar 2024 fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù.

Aktar ritratti