Il-President ta’ Malta George Vella għamel l-aħħar żjara uffiċċjali fil-kariga tiegħu fid-Dar tal-Providenza.
“Dejjem pjaċir inżur din id‑Dar u huwa emozzjonanti tara l-attenzjoni li tingħata lir-residenti li jgħixu f’din id-Dar,” qal il‑President ta’ Malta, George Vella wara li flimkien mas‑Sinjura Miriam Vella għamel l‑aħħar żjara uffiċċjali tiegħu fid‑Dar tal‑Providenza qabel it‑tmiem tal‑ħatra tiegħu bħala President.
Iż-żjara bdiet b’quddiesa ċċelebrata fil-kappella mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef u Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija.
Il‑President u s‑Sinjura Vella kellhom l-opportunità jitkellmu ma’ bosta mir‑residenti u support workers li kienu miġbura fil‑kappella u wara fis‑sala ewlenija tad‑Dar. Fost oħrajn huma żaru wkoll il‑pixxina terapewtika, iċ‑Ċentru Agrikolu San Isidor, il‑gym u x-xogħol ta’ rinovar li qed isir f’wieħed mill-appartamenti f’Villa Papa Giovanni.
Fit‑tmiem taż‑żjara, wara pranzu mal‑amministrazzjoni u mar‑rappreżentanza tar‑residenti, il‑President wieġeb għar‑ringrazzjamenti li għamillu Fr Martin billi qal li kien hu li jħoss li għandu jirringrazzja kemm lid‑Direttur kif ukoll l‑impjegati kollha għad‑dedikazzjoni u l‑ħidma tagħhom fid‑djar tad‑Dar tal‑Providenza.
Sors: Newsbook Malta