Is-Sibt 17 ta’ Frar tnieda l-proġett Mumenti, megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti, permezz ta’ nofs ta’ nhar seminar bejn il-persuni li jokkupaw kariga ta’ tmexxija fid-diversi friegħi u gruppi tal-Azzjoni Kattolika Maltija.
F’dan is-seminar, madwar 40 persuna ta’ etajiet li jvarjaw bejn l-20 u s-70 sena li ġejjin minn sezzjonijiet differenti tal-għaqda, iltaqgħu flimkien fil-Parroċċa tal-Iklin għal mument organizzat biex jgħin lil dawn il-persuni mhux biss ikomplu jsiru jafu lil xulxin, iżda biex ikomplu jesprimu s-sabiħ u l-isfidi li jaffaċċjaw fil-missjoni tagħhom u biex ikunu wkoll ta’ sapport għal xulxin.
F’dan is-seminar ġie organizzat workshop artistiku, bil-għajnuna tal-artist Ian Stilton fejn ħeġġeġ lill-parteċipanti jiddiskutu mezzi kif jegħlbu dawn l-isfidi u x’jgħinhom ikunu perseveranti u reżiljenti fl-għaqda tagħhom. Huwa għamel dan permezz tas-simboliżmu u rappreżentazzjonijiet viżwali. Permezz ta’ dan il-workshop il-parteċipanti użaw tixbihat differenti biex juru u jissimbolizzaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom. Mill-workshop, dawn il-mexxejja tal-gruppi, taċ-ċentri u tal-għaqda tgħallmu kemm il-perseveranza u r-reżiljenza huma importanti, u li minkejja il-bosta diffikultajiet li jaffaċċjaw, kemm personali kif ukoll fil-ħajja mal-oħrajn, hemm bżonn ir-reżiljenza biex persuna tadatta u tkompli miexja ‘l quddiem. Huwa permezz tal-perseveranza li tilħaq l-għanijiet tiegħek personali u dawk kollettivi, minkejja d-diffikultajiet u l-fallimenti.
Dan is-seminar ġie organizzat propju fis-17 ta’ Frar għar-raġuni li matul din il-ġimgħa, l-Azzjoni Kattolika tiċċelebra l-Anniversarju tat-twaqqaif tagħha f’Malta. L-Azzjoni Kattolika bdiet f’Malta permezz ta’ grupp ta’ studenti żgħir fil-5 ta’ April 1929, bl-għajnuna ta’ Patri Danjel Callus. Fid-19 ta’ Frar tal-1930 l-istatut ġie approvat uffiċjalment mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien. Minn dakinhar, id-19 ta’ Frar beda jitqies bħala d-data tal-Anniversajru tal-Azzjoni Kattolika f’Malta. Minn dak iż-żmien ‘l hawn infetħu numru ta’ gruppi taż-żgħażagħ f’Parroċċi differenti. L-għan ta’ dawn il-gruppi huwa li jieħdu rwol iktar attiv biex jitwassal il-messaġġ tal-Knisja u biex ikun ta’ servizz lejn l-oħrajn. Din l-inizzjattiva ċkejkna tal-1929 żviluppat f’waħda mill-akbar għaqdiet Kattoliċi li għandna f’Malta llum.
Dan is-seminar kien biss il-bidu tal-proġett Mumenti li se jibqa’ għaddej sa Frar tal-2025. Issa se jkomplu jiġu organizzati serje ta’ workshops kreattivi, bl-għajnuna ta’ diversi artisti stabbiliti biex membri minn ġenerazzjonijiet differenti u lokalitajiet differenti jiltaqgħu flimkien u jkomplu jitgħallmu aktar dwar xulxin u jesprimu lilhom nfushom b’mod kreattiv. Is-sabiħ ta’ dan kollu hu li se jġib flimkien membri anzjani u żgħażagħ taħt saqaf wieħed sabiex jesperjenzaw xi ħaġa li forsi qatt ma esperjenzaw qabel. Il-workshops se jkunu qed jitrattaw l-arti, iż-żfin, il-mużika, id-drama u l-kitba. Dan tal-kitba se jara membri żgħażagħ u anzjani jikkorespondu bejn xulxin permezz ta’ postcards mibgħuta bil-posta. Forsi xi ħaġa aljena għaż-żgħażagħ tal-lum. Imma l-iskop ta’ dan kollu hu biex tkompli tinbena s-sena ta’ komunità u fratenità fl-għaqda.
Fix-xhur li ġejjin se jiġu organizzati wkoll xi ħarġiet kulturali madwar Malta fejn il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jidħlu iktar fid-dettal ta’ ċertu spazji kulturali u artistiċi f’pajjiżna li forsi ftit ikollhom l-opportunità li jżuru u jesploraw. Aktar tard din is-sena se jkun qed isir taħriġ maż-żgħażagħ dwar kif jinħoloq podcast, fejn iż-żgħażagħ stess se jkollhom l-opportunità jipparteċipaw, jintervistaw u jiddiskutu diversi suġġetti ma’ membri preċedenti tal-Azzjoni Kattolika.