L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dan hu l-kliem ta’ Ġesù, li jgħid fl-Evanġelju llum skont San Mattew meta jsemmi l-opri tal-ħniena. Hawnhekk Ġesù qed jgħidilna fuq xiex se nkunu ġġudikati: kemm aħna ħabbejna tassew lill-oħrajn, u għalhekk lil Alla nnifsu, u waqafna ma’ min qed ibati.
Ġesù hawnhekk jagħtina messaġġ importanti ħafna għal ħajjitna. Għax meta jgħidilna fuq xiex se nkunu ġġudikati, qed jgħidilna fuq xiex għandna nibnu ħajjitna llum. Innutaw kif Ġesù jsemmi affarijiet li aħna lkoll nistgħu nagħmluhom. Ma hemmx għalfejn tkun xi ħadd imlaħħaq, jew b’xi poter, jew inkella xi ħadd għaref, intelliġenti ħafna, jew tkun f’xi parti partikulari tad-dinja, jew ikollok ħafna flus. Li jsemmi Ġesù huma affarijiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum, biex jgħidilna li hu propju hemm, fil-ħajja ta’ kuljum, li għandna nieqfu ma’ min għandu bżonn l-għajnuna u nkunu tassew dawk li nħobbu lill-oħrajn b’mod ċar u fil-prattika. Għalhekk isemmi Ġesù min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs. U dak li jgħid Ġesù hawnhekk hu biex aħna wkoll nagħrfu kif imdawlin minn din il-kelma tiegħu, nistgħu ngħixu l-ħajja ta’ kuljum b’mod li nieqfu ma’ min hu fil-bżonn. Għaliex Ġesù semma eżempji hawnhekk, imma aħna nistgħu naħsbu f’affarijiet oħra wkoll: jista’ jkun hemm min hu mdejjaq jew waħdu u jeħtieġ kelma ta’ inkoraġġiment, ta’ sapport, preżenza li ġġiblu l-ferħ; jew inkella min għandu bżonn parir, u int tagħtih parir li jagħmillu l-ġid.
Ġesù jgħid hawnhekk “l-iżgħar fost dawn ħuti”. Għalhekk Ġesù qed jitkellem speċjalment biex aħna nuru mħabba u attenzjoni kbira għal min hu vulnerabbli, għal min hu dipendenti, għal min jeħtieġ l-akbar għajnuna. Aħna nistgħu naħsbu f’ħafna persuni, ħafna nies, imma żgur li fost dawn l-iżgħar, hemm dawk il-bnedmin li għadhom ma tweldux. Ħajja umana li bdiet, li tnisslet, għadha l-iżgħar, vulnerabbli, dipendenti, teħtieġ l-għajnuna. Ma tistax tgħajjat, issemma’ leħinha, tipprotesta. Imma teħtieġ din l-attenzjoni u l-għożża. Għalhekk Ġesù qed jgħidilna fil-fatt affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar juru l-għożża tal-ħajja, kemm aħna ngħożżu l-ħajja tal-oħrajn, u nuruha din l-għożża.
Imma Ġesù jgħid xi ħaġa oħra hawnhekk: jidentifika ruħu ma’ min hu fil-bżonn. Jgħid: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Għalhekk f’kull bniedem, f’kull ħajja umana, aħna naraw tassew il-preżenza ta’ Ġesù, u meta qed ngħinu, qed nagħmlu dan l-att ta’ mħabba miegħu. U nnutaw kif Ġesù ma jagħmilx limiti għall-imħabba tagħna. Ma jgħidx: ieqaf ma’ min hu fil-bżonn għax hu Nisrani jew Nisranija, jew għax hu Malti jew Maltija, jew għaliex dan hu tal-istess grupp tiegħek. Imma ma’ kull min hu fil-bżonn. Hemmhekk inkunu tassew qed ngħixu din il-kelma ta’ Ġesù, għax hu ma jagħmilx limiti. Bħala dixxipli ta’ Ġesu għandna nieqfu ma’ kull min hu fil-bżonn, miegħu jew magħha.
Ħaġa li tolqotni ħafna hu kif Ġesù hawnhekk jitkellem fuq il-ġudizzju u fuq l-infern u l-ġenna, imma jagħmel dan mingħajr kliem li jbeżża’. Ġesù jagħmel warning hawn, imma warning biex aħna aktar inħobbu, biex fina jiżra’ l-imħabba u mhux il-biża’, biex jurina kif inhi r-realtà. Jurina kif għandna ngħixu ħalli nkunu tassew fil-paċi u l-imħabba tiegħu, li twassalna tassew għall-ħajja ta’ dejjem biex jgħidilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34). Min jagħmel warning biex ibeżża’ u jnissel fik il-biża’, speċjalment fin-nies li huma ġenwini u jispiċċaw jgħixu b’ħafna biża’ – per eżempju, għax dik it-tali ġurnata se ssir xi ħaġa kerha – mhuwiex fil-linja ta’ Ġesù, għax il-kliem ta’ Ġesù mhux biex ibeżża’ imma biex inissel fina l-imħabba, ħa tkun l-imħabba lejh u lejn l-oħrajn li tmexxina.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna ngħixu din il-kelma tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum; u nitolbuh b’dik it-talba sabiħa: “Mulej, għinni biex ma mmurx ngħaddi minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, b’pass imgħaġġel”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju