Bażilika ta’ l-Annunzjazzjoni, Nazaret
5 ta’ Mejju 2016
Ftit riflessjonijiet li mbagħad jissieħbu mal-ispjega li jiena persważ li ser jagħmlilna b’mod sabiħ u profond Fr. Twanny meta nduru l-grotta, għaliex dan il-bini, li jaf anke l-ġenerożità tal-Papa Pawlu VI, huwa kbir ħafna. Innutaw li l-koppla hija ddisinjata b’forma ta’ fjura tal-ġilju rasha l-isfel. Bħalissa fil-ġonna tagħna, min iħobb il-fjuri jaf li għandna l-ward u l-ġilju, u din il-koppla f’dan it-tempju tfakkarna fil-purezza u fis-safa’ tal-Madonna.
L-ewwelnett, aħna nirringrazzjaw lil Alla li qed nibdew dan il-pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa billi niċċelebraw l-ewwel quddiesa propju hawnhekk. Tfajla żgħażugħa ta’ madwar sittax-il sena li jkollha esperjenza qawwija ta’ talb u jkollha dan il-kollokju mal-messaġġier ta’ Alla.
Kif seħħet eżattament din il-ġrajja aħna ma nafux, imma nistgħu nimmaġinaw permezz tal-istatwi li għandna fil-parroċċi ddedikati lil-Lunzjata f’Ħal Tarxien u f’Ħal Balzan, u tal-kwadri li għandna. Kwadru sabiħ ħafna tal-Lunzjata qiegħed fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, l-Imdina u hemm ieħor sabiħ ħafna fil-Katidral tal-Imdina. Huma żewġ kwadri minn skejjel differenti, wieħed ta’ Erardi u l-ieħor ta’ Bruschi, u hemm tant kwadri oħra ta’ din il-laqgħa bejn l-anġlu Gabrijel u l-Madonna.
L-iżjed ħaġa li nixtieq li nieqfu nirriflettu fuqha f’dan il-post hija kelma li nsibuha marbuta ma din il-ġrajja fl-Evanġelju ta’ San Luqa u li hija importanti ħafna: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”(Lq 1,37). Għax inti tibda taħseb: kif jista’ jkun mara mingħajr il-kollaborazzjoni ta’ raġel, tnissel tarbija? Anke x-xjenza s’issa għadha ma waslitx, għalkemm hemm każi rari ta’ dak li jgħiduluparthenogenesis. Aħna ma nafux eżattament kif sar bijoloġikament u fiżjoloġikament, it-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija, imma aħna nafu din il-kelma importanti: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”.
Dettal ieħor importanti hu li l-Madonna qaltlu: “kif jista’ jkun dan?” Il-Madonna, ta’ tfajla intelliġenti tistaqsi “kif jista jkun dan la jien ma nagħrafx raġel?” U r-risposta tal-anġlu, tal-messaġġier tal-Mulej: “L-Ispirtu tal-Mulej ikun fuqek, ikun qisu dell fuqek. Ara inti se tnissel fil-ġuf u l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (Lq 1, 34). Il-qawwa tal-Għoli! Ma ninsewx li l-isem ‘Gabrijel’ ifisser ukoll il-qawwa ta’ Alla, jew ’Alla qawwi’, għax dan il-messaġġier ġie bil-qawwa ta’ Alla, anzi hu stess jgħid: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”.
Aħna għandna għalfejn niskantaw jekk il-ħolqien huwa frott tal-kelma u tal-Ispirtu tal-Mulej? Mela hawnhekk reġa’ sar it-tieni ħolqien mhux biss għax bdiet is-salvazzjoni tagħna, imma anke għax it-tnissil ta’ Ġesù jaf ukoll il-kapaċità ta’ Alla li huwa ħallieq u jaf joħloq l-umanità ta’ Ibnu, għax Ġesù huwa maħluq bħala bniedem, mhux maħluq bħala Alla.
Fr Twanny ser jurina il-grotta fejn hemm miktub: “Verbum Dei caro factum est”. Xi tfisser? Għallimhielna San Ġorġ Preca: ‘l-Iben ta’ Alla sar bniedem’ (Ġw 1, 14). Imma hawnhekk, hawnhekk biss, tiżdied prepożizzjoni oħra hic. ‘Verbum Dei hic’, hawnhekk, ‘caro factum est’. U din hija l-grazzja li tana l-Mulej lilna llum, għax għalkemm aħna f’Malta u kullimkien fid-dinja l-Lunzjata ta’ kull sena niċċelebrawha fil-25 ta’ Marzu, disa’ xhur qabel it-twelid ta’ Ġesù, imma hawnhekk qed niċċelebrawha llum fil-post fejn seħħet.
Dan il-post huwa għażiż ukoll minħabba t-tfulija ta’ Ġesù, ix-xogħol ta’ Ġużeppi u l-bżulija tal-Omm. Jiena nixtieq ukoll niftakar f’dan il-post li din kienet id-dar ta’ Marija, tant hu hekk li kif ser jispjegalna Fr Twanny, saret il-Knisja tal-Insara fejn kienu jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija. Hawnhekk il-Madonna, apparti li għexet ta’ armla, rat lil Ġesù sejjer u jibda t-tlett snin ta’ appostolat u wara ltaqgħet miegħu kif nafu, f’Ġerusalemm. Darba bagħtet għalih Kafarnahum għax qalulha li qed jiġġennen u marret tfittxu. Imbagħad nerġgħu narawha Ġerusalemm. Għalhekk, hawnhekk ma niftakrux biss fix-xbubija ta’ Marija imma anke f’Marija bħala l-għarusa ta’ Ġużeppi u l-armla ta’ Ġużeppi.
Għalhekk nitolbu għal tant żgħażagħ aħna u niftakru fix-xbubija tal-Madonna, niftakru u nitolbu għall-miżżewġin tagħna aħna li qegħdin fid-dar tal-Familja Mqaddsa. Hija wkoll id-dar tal-armla. Dar il-biki, dar il-hemm, dar il-fejqan u dar il-konsolazzjoni.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta