• Għeżież ħuti,
    Is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena tistedinna nirriflettu fuq ir-rabta li teżisti bejn il-komunikazzjoni u l-ħniena.  Fil-fatt il-Knisja, magħquda ma’ Kristu, inkarnazzjoni ħajja ta’ Alla l-Ħanin, hi msejħa tgħix il-ħniena bħala aspett li jagħżilha f’dak kollu li hi u li tagħmel.  Dak li ngħidu u kif ngħiduh, kull kelma u kull ġest għandhom jesprimu l-kompassjoni, il-ħlewwa u l-maħfra ta’ Alla għal kulħadd.  L-imħabba, min-natura tagħha, hi komunikazzjoni, twassalna biex ninfetħu u ma ninqatgħux mill-oħrajn.  U jekk qalbna u l-ġesti tagħna huma mmexxija mill-karità, mill-imħabba divina, il-komunikazzjoni tagħna ġġorr fiha l-qawwa ta’ Alla.
    Bħala wlied Alla aħna msejħin nikkomunikaw ma’ kulħadd, bla ma nħallu lil ħadd barra.  B’mod partikulari, il-Knisja, bil-lingwaġġ u l-azzjonijiet tagħha, tittrasmetti ħniena, hekk li tmiss il-qlub tal-persuni u tweżinhom fil-mixja tagħhom lejn il-milja tal-ħajja, li Ġesù Kristu, mibgħut mill-Missier, ġie biex jagħti lil kulħadd.  Ifisser li nilqgħu fina u nxerrdu madwarna s-sħana tal-Knisja Omm, biex Ġesù jsir magħruf u maħbub; dik is-sħana li tagħti sustanza lill-kliem tal-fidi u li tkebbes fil-predikazzjoni u fix-xhieda dik ix-“xrara” li tagħtihom il-ħajja.
    Il-komunikazzjoni għandha l-qawwa li tibni l-pontijiet, li tiffavorixxi l-laqgħa u l-inklużjoni, u hekk tagħni lis-soċjetà kollha.  Kemm hi ħaġa sabiħa naraw persuni impenjati li b’attenzjoni kbira jagħżlu l-kliem u l-ġesti li bihom jistgħu jegħlbu n-nuqqas ta’ ftehim, ifejqu l-memorja miġruħa u jibnu paċi u armonija.  Il-kliem jista’ jsawwar pontijiet bejn il-persuni, il-familji, il-gruppi soċjali, il-popli.  U dan kemm fl-ambjent fiżiku u kemm f’dak diġitali.  Għalhekk, kliem u azzjonijiet jistgħu jgħinuna noħorġu miċ-ċrieki vizzjużi tal-kundanni u tal-vendetti, li jibqgħu jżommu mjassra l-individwi u n-nazzjonijiet, u li jwassluhom biex jesprimu ruħhom b’messaġġi ta’ mibegħda.  Min-naħa l-oħra, il-kelma tan-Nisrani tfittex li tkabbar il-komunjoni u, anki meta jkollha tikkundanna l-ħażen bi kliem iebes, xorta tfittex li qatt ma tfarrak ir-relazzjoni u l-komunikazzjoni.
    Għalhekk, nixtieq nistieden lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jiskopru mill-ġdid il-qawwa tal-ħniena li tfejjaq ir-relazzjonijiet imċarrta u li terġa’ ġġib il-paċi u l-armonija bejn il-familji u fil-komunitajiet.  Kollha nafu b’liema mod il-ġrieħi qodma u l-korla li jkunu ġarrew magħhom fil-passat jistgħu jagħlqu lill-persuni f’gaġġa u jżommuhom milli jikkomunikaw u jirrikonċiljaw.  U dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet bejn il-popli.  F’dawn il-każi kollha l-ħniena għandha l-ħila li toħloq mod ġdid ta’ kif nitkellmu u niddjalogaw, kif esprima b’mod hekk elokwenti Shakespeare: “Il-ħniena m’hix obbligu.  Tinżel mis-sema bħax-xita li tiffriska l-art.  Hi barka doppja: tbierek lil min jagħtiha u lil min jirċeviha” (Il-merkant ta’ Venezja, Att IV, Xena I).
    Wieħed jawgura li anki l-lingwaġġ tal-politika u tad-diplomazija jħalli tnebbħu l-ħniena, li qatt ma taqta’ qalbha minn xejn.  Nappella fuq kollox lil dawk kollha li għandhom responsabbiltajiet istituzzjonali, politiċi u fil-formazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika, biex jgħassu dejjem fuq il-mod kif jesprimu ruħhom ma’ min jaħsibha jew jaġixxi differenti minnhom, u anki ma’ min forsi żbalja.  Faċli naqgħu għat-tentazzjoni li nisfruttaw sitwazzjonijiet simili u nkebbsu iżjed il-fjammi ta’ l-isfiduċja, tal-biża’, tal-mibegħda.  Mill-banda l-oħra, trid kuraġġ biex torjenta l-persuni lejn mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni, u hu propju dan il-kuraġġ pożittiv u kreattiv li joffri soluzzjonijiet veri għal kunflitti qodma u l-opportunità li wieħed jasal għal paċi li ttul.  “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena […] Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:7,9).
    Kemm nixtieq li l-mod ta’ kif aħna nikkomunikaw, u anki s-servizz tagħha ta’ ragħajja fil-Knisja, qatt ma jesprimu l-kburija supperva tat-trijonf fuq xi għadu, lanqas jumiljaw lil dawk li l-mentalità tad-dinja tqishom telliefa u ta’ min jarmihom!  Il-ħniena tista’ tgħin biex ittaffi mill-iebes tal-ħajja u toffri s-sħana ta’ l-imħabba lil dawk li ma’ wiċċhom raw biss il-kesħa tal-ġudizzju.  L-istil tal-komunikazzjoni tagħna għandu jegħleb il-loġika li tifred b’mod ċar il-midinba mill-ġusti.  Nistgħu u għandna niġġudikaw sitwazzjonijiet ta’ dnub – vjolenza, korruzzjoni, abbużi, eċċ. – imma ma nistgħux niġġudikaw il-persuni, għax Alla waħdu jista’ jaqra fil-fond tal-qalb tagħhom.  Xogħolna hu li nwissu lil min jiżbalja, nikkundannaw il-ħażen u l-inġustizzja ta’ ċerti mġibiet, u dan biex neħilsu l-vittmi u nerfgħu lil min waqa’.  Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jfakkarna li “il-verità teħliskom” (Ġw 8:32).  Din il-verità hi bla dubju ta’ xejn Kristu nnifsu, li l-ħniena twajba tiegħu hi l-kejl tal-mod kif aħna għandna nxandru l-verità u nikkundannaw l-inġustizzja.  L-għan ewlieni tagħna hu li nwettqu l-verità bl-imħabba (ara Efes 4:15).  Kliem imlissen biss bi mħabba u msieħeb bit-tjieba u l-ħniena jista’ jmiss il-qlub tagħna midinba.  Kliem u ġesti iebsin jew moralistiċi jirriskjaw li jbiegħdu iżjed lil dawk li nixtiequ nwasslu għall-konverżjoni u l-ħelsien, għax isaħħu fihom is-sens ta’ rifjut u ta’ difiża.
    Xi wħud jaħsbu li viżjoni ta’ soċjetà b’għeruqha fil-ħniena hi wisq idealistika jew pjetuża.  Imma ejjew nippruvaw nerġgħu naħsbu fl-ewwel esperjenzi tagħna ta’ relazzjoni fil-familja.  Il-ġenituri ħabbewna u apprezzawna għal dak li aħna iżjed milli għall-ħiliet u s-suċċessi tagħna.  Il-ġenituri naturalment jixtiequ l-aħjar għal uliedhom, imma l-imħabba tagħhom qatt m’hi kkundizzjonata minn kemm dawn jilħqu l-oġġettivi.  Id-dar tal-Missier hi l-post li fih int dejjem milqugħ (ara Lq 15:11-32).  Nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd biex jaħseb fis-soċjetà tal-bnedmin mhux bħala spazju li fih nies barranin għal xulxin qed jikkompetu u jippruvaw jirbħu huma, imma pjuttost bħala dar jew familja fejn il-bieb hu dejjem miftuħ u qed nippruvaw nilqgħu wieħed lill-ieħor.
    Għalhekk hu fundamentali li nisimgħu tassew.  Tikkomunika jfisser taqsam ma’ l-oħrajn, u l-qsim ma’ l-oħrajn jitlob minna li nisimgħu, li nilqgħu.  Li tisma’ hu wisq iktar milli sempliċement ikollok widnejk miftuħa.  Sakemm għandek widnejk miftuħa, dan għandu x’jaqsam mad-dinja ta’ l-informazzjoni; imma li tisma’ tassew, din komunikazzjoni, u hemm bżonn li tkun qrib ta’ l-ieħor.  Is-smigħ jagħtina l-atteġġjament it-tajjeb, għax noħorġu mill-kundizzjoni trankwilla ta’ spettaturi, ta’ semmiegħa, ta’ konsumaturi.  Li tisma’ tassew ifisser ukoll li tkun kapaċi taqsam ma’ l-oħrajn mistoqsijiet u dubji, li timxi spalla ma’ spalla ma’ ħaddieħor, li tinħeles minn kull preżunzjoni ta’ omnipotenza u umilment tqiegħed il-ħiliet tiegħek u d-doni tiegħek għall-qadi tal-ġid komuni.
    Li tisma’ qatt m’hu faċli.  Xi drabi hu iżjed komdu tagħmilha ta’ trux.  Tisma’ jfisser tkun attent, ikollok ix-xewqa li tifhem, tagħti valur, tirrispetta, tgħożż il-kelma ta’ ħaddieħor.  Meta nisimgħu, ngħaddu minn ċertu tip ta’ martirju, sagrifiċċju tagħna nfusna li fih inġeddu l-ġest sagru mwettaq minn Mosè quddiem is-siġra ta’ l-għolliq jaqbad: ninża’ l-qorq fuq l-“art qaddisa” tal-laqgħa mal-persuna l-oħra li qed tkellimni (ara Eż 3:5).  Li nkun kapaċi nisma’ hi grazzja kbira ħafna, hu don li rrid nitolbu biex imbagħad nista’ nitħarreġ fil-prattika tiegħu.
    Anki l-emails, l-sms, ix-xbieki soċjali, iċ-chat jistgħu jkunu xejriet ta’ komunikazzjoni li huma għal kollox umani.  M’hix it-teknoloġija li tiddetermina jekk il-komunikazzjoni hix awtentika jew inqas awtentika, imma l-qalb tal-bniedem u l-ħila tiegħu li juża tajjeb il-mezzi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.  Ix-xbieki soċjali jistgħu jiffavorixxu r-relazzjonijiet u jippromovu l-ġid tas-soċjetà, imma jistgħu wkoll iwasslu għal polarizzazzjoni ikbar u firda bejn il-persuni u l-gruppi.  L-ambjent diġitali hu pjazza, imkien ta’ laqgħa, fejn nistgħu mmellsu jew infieru, nibnu diskussjoni li tħalli l-frott jew inkella noqtlu bi kliemna.  Nitlob li s-Sena Ġubilari, megħjuxa fil-ħniena, “tiftaħna iktar għad-djalogu biex nagħrfu u nifhmu iżjed lil xulxin; teqred kull għamla ta’ għeluq u ta’ disprezz u tneħħi kull xorta ta’ vjolenza u ta’ diskriminazzjoni” (Misericordiæ vultus, 23).  Anki fuq l-internet tista’ tibni ċittadinanza vera.  L-aċċess għax-xbieki diġitali jġib miegħu responsabbiltà għall-ieħor, li, għalkemm ma narawhx, hu reali, għandu d-dinjità tiegħu li titlob rispett.  L-internet jista’ jintuża tajjeb biex ikabbar soċjetà b’saħħitha u miftuħa għall-qsim ma’ l-oħrajn.
    Il-komunikazzjoni, il-postijiet tagħha u l-istrumenti tagħha fetħu ixfqa usa’ għal ħafna persuni.  Dan hu don ta’ Alla, u hu wkoll responsabbiltà kbira.  Din il-qawwa li għandha l-komunikazzjoni nieħu gost insejħilha “qrubija”.  Il-laqgħa bejn il-komunikazzjoni u l-ħniena tħalli l-frott skond kemm tnissel qrubija li tieħu ħsieb ta’ l-ieħor, tfarraġ, tfejjaq, issieħeb u tagħmel festa.  F’dinja maqsuma, ifframmentata, polarizzata, li nikkomunikaw bi ħniena jfisser nagħtu sehemna f’din il-qrubija tajba, ħielsa u solidali bejn ulied Alla u ħutna l-bnedmin.
    Franġisku