Is‑Safeguarding Commission tal‑Knisja qed tirrakkomanda li l‑Istat iwaqqaf awtorità għall‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli biex, fost affarjiet oħra, tiġi implementata sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni bejn l‑organizzazzjonijiet li jaħdmu mat‑tfal u l‑persuni vulnerabbli, u tiġi riveduta l‑proċedura li twassal biex l‑ismijiet ta’ persuni jitpoġġew fir‑Reġistru għall‑Protezzjoni tal‑Minuri.
Il‑Kummissjoni temmen li l‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli hija responsabbiltà ta’ kulħadd u qed tirrakomanda wkoll li kull organizzazzjoni li taħdem mal‑minuri u ma’ adulti vulnerabbli għandu jkollha persuna maħtura biex tieħu ħsieb li tissalvagwardja lil persuni vulnerabbli.
Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, fil‑Furjana, il‑Head of Safeguarding, Andrew Azzopardi, qal li l‑Kummissjoni qed tagħmel dawn ir‑rakkomandazzjonijiet wara l‑esperjenza tal‑ewwel sena mit‑twaqqif tagħha, li matulha żewġ terzi tal‑ilmenti li kienu jinvolvu minuri ġew konklużi f’inqas minn sitt xhur. Minn 27 ilment li rċeviet il‑Kummissjoni bejn Frar u Diċembru 2015, kien hemm każ wieħed fejn l‑allegazzjoni ġiet sostanzjata u l‑Kummissjoni rrakkomandat li jittieħdu l‑passi meħtieġa. L‑ilmenti l‑oħra konklużi jew ma ġewx ippruvati jew l‑allegazzjoni kienet falza, inkella saru b’mod malizzjuż jew ma kinux jitrattaw abbuż. Sa Diċembru 2015, kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ seba’ ilmenti, li f’ħamsa minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali tal‑persuni kkonċernati.
Fir‑rigward ta’ adulti vulnerabbli, 70% tal‑ilmenti ġew konklużi f’inqas minn 6 xhur. Minn 14 lment, kien hemm 3 każijiet fejn l‑allegazzjoni ġiet sostanzjata u l‑Kummissjoni rrakkomandat li jittieħdu l‑passi meħtieġa. L‑ilmenti l‑oħra jew ma ġewx ippruvati jew l‑allegazzjoni kienet falza, inkella ma kinux jitrattaw abbuż. Sa tmiem is‑sena li għaddiet, kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ ħames ilmenti, u f’wieħed minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali tal‑persuna konċernata.
Wara l‑preżentazzjoni tar‑rapport tal‑ewwel sena ħidma tas‑Safeguarding Commission, Andrew Azzopardi qal li l‑Knisja ser tkompli tinvesti biex toħloq għarfien akbar dwar il‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli. Spjega li fl‑ewwel sena mit‑twaqqif tagħha, il‑Kummissjoni tat taħriġ lil madwar 700 persuna nvoluti fl‑entitajiet tal‑Knisja, fosthom saċerdoti, nisa u rġiel membri fl‑ordnijiet reliġjużi, seminaristi, għalliema, katekisti u voluntiera. It‑taħriġ kien iffukat fuq il‑prevenzjoni mill‑abbuż u fuq kif tinħoloq kultura li tpoġġi l‑aħjar interess ta’ tfal u adulti vulnerabbli fiċ‑ċentru tal‑ħidma tal‑Knisja.
Il‑Kummissjoni qed taħdem ukoll biex jiġi offrut taħriġ lil dawk kollha li qegħdin jagħtu servizz fil‑Knisja. Fil‑ġimgħat li ġejjin ser jibda proġett pilota ma’ sitt organizzazzjonijiet, fosthom tliet parroċċi, bil‑għan li jiġu żviluppati prassi (best practices) u strutturi li jipprovdu taħriġ speċjalizzat għall‑membri tal‑entitajiet, kemm impjegati kif ukoll voluntiera.
Andrew Azzopardi ħabbar ukoll li fuq inizjattiva tas‑Safeguarding Commission ser jiġi ffirmat Memorandum of Understanding mal‑Pontificia Università Gregoriana ta’ Ruma biex jiġi implementat taħriġ għas‑seminaristi Maltin bħala parti mill‑formazzjoni tagħhom. It‑taħriġ ser ikun speċjalizzat f’miżuri ta’ prevenzjoni kontra l‑abbuż.