L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-festa tal-lum tfakkarna f’realtà sabiħa, mhux avveniment li sar fil-passat, 40 jum wara l-qawmien ta’ Ġesù, u daqshekk. Għaliex dak li ġara 40 jum wara l-qawmien tiegħu, b’xi mod hu mument fejn id-dixxipli għarfu, li l-istaġun ta’ dehriet straordinarji tal-Irxoxt kien intemm, u li huma kienu mibgħuta biex iwasslu l-Bxara t-Tajba, l-Aħbar it-Tajba, “indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15), u jwassluha mat-trufijiet tad-dinja. Kienet tfisser żewġ affarijiet importanti ħafna, li dan li qegħdin niċċelebraw illum, u jsibu konferma wkoll tal-Evanġelju li għadna kemm smajna.

L-ewwel nett, li Ġesù li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier u li għandu l-istess qawwa tal-Missier fl-Ispirtu s-Santu, hu Alla magħna. Illum festa oħra fejn niftakru li l-Mulej magħna. Ħafna drabi meta naħsbu fil-festa ta’ Lapsi, fil-festa tat-Tlugħ il-Mulej fis-sema, minflok tlugħ, naħsbu fit-tluq. Il-Mulej ma telaq imkien. Hu magħna u baqa’ magħna. Il-fatt li tela’ s-sema jfisser, li hu fil-leminija tal-Missier kif ngħidu fil-Kredu; għandu l-qawwa ta’ Alla jkun magħna, jibqa’ magħna, jisma’ t-talb tagħna, isieħeb il-Kelma tiegħu bil-qawwa ta’ sinjali qawwija; bħalma jwiegħed fl-Evanġelju li għadna kemm smajna fl-Evanġelju minn San Mark, li tiegħu qegħdin naqraw siltiet matul din is-sena.

Imma hemm ukoll tifsira oħra ta’ din il-festa importanti. Ġesù Kristu, ir-ras tal-ġisem, qiegħed fil-lemin ta’ Alla l-Missier; u miegħu jiġbed lilna. Mela iżjed milli tluq, forsi l-immaġini li tfakkarna tajjeb fil-qawwa ta’ din il-festa hi l-kalamita –  xi ħaġa li tiġbed. Bil-qawwa tal-maħfra, tal-grazzja, tal-omnipotenza tiegħu, li-Mulej jiġbed lili u lilek, li aħna dgħajfin, lejn is-sema pajjiżna. Daħal qabilna fil-glorja tal-Missier u jiġbed lilna miegħu. Mela mhux tluq ta’ Ġesù għax Ġesù hu magħna – Ġesù Għimmanu-El, Alla magħna. Imma llum nifirħu li qiegħed fil-glorja tal-Missier, minkejja dnubietna, id-difetti tagħna, il-fraġilitajiet tagħna, hu jiġbidna lejh. Jiggarantilna d-destin ta’ min, hu u jfittex il-ferħ tiegħu f’din id-dinja, forsi mingħajr ma jaf għandu għatx kbir għall-ferħ li jibqa’ għal dejjem. Għaliex f’kull wieħed u waħda minna hemm żerriegħa li ssejħilna għall-ġenna għax dik hi d-dar tagħna.

Meta lil dawk li huma fidili, li jħobbuh lill-Mulej, jgħidilhom idħlu fil-hena ta’ sidtkom. “Ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien kollu” (Mt 25:34). Meta lil dawk li ma jriduhx jibgħathom għat-turufnament ta’ dejjem, jgħidilhom: “Morru minn quddiemi, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu” (Mt 25:41) għax l-infern ma nħalaqx għalik u għalija. Immorru jekk irridu. Imma l-ġenna iva, nħalqet għalik u għalija, id-destin tiegħek u tiegħi. Aħna nipparteċipaw minn din il-glorja ta’ Ġesù. Kulħadd skont kif imissu u meta jmissu.

Tgħiduli, ‘Aħna m’għandniex għaġla’. Anke jien, lil Ġesù hekk ngħidlu: ‘Meta trid imma m’iniex mgħaġġel’. Imma għandna intelliġenza biżżejjed biex nifhmu, li ħin minnhom, iċ-ċens se jagħlaq, u ma tistax iġġeddu. Ġesù jgħid, li bil-ħsieb ma tistax iżżid lanqas minuta mal-ħajja tiegħek. Allura m’hemmx għalfejn tinkwieta wisq! Tagħmel ħiltek biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek u ma tkissirx lilek innifsek. Wara kollox din il-festa, tgħallimna wkoll ingawdu l-ħajja tagħna, u mhux niddisprezzawha; għax il-ħajja li għandi issa, li silifni l-Mulej hi fejn jien se nduq il-preżenza ħelwa tiegħu għax hu miegħi. U jsieħeb il-Kelma tiegħu bil-qawwa tiegħu; imma fl-istess ħin din il-ħajja sabiħa hi l-għatba tal-ġenna. Mhix destinazzjoni!

Illum, f’Jum l-Omm, naħsbu ftit f’dik il-mara li ġarritna fil-ġuf, aħna minn aħna, mill-kbir saż-żgħir. Għamilna żmien fil-ġuf ta’ ommna: min disa’ xhur, min ftit iżjed, min ftit inqas. Imma għamilna żmien fil-ġuf ta’ ommna. Minn hemmhekk, bil-biki ħriġna, għad-dinja naqra iżjed perikoluża, u naqra iżjed avventuruża, li hi din. Minn hawn, għax hu ġuf ieħor, irridu nitwieldu għall-ħajja li ma tispiċċa qatt.

Illum, aħna u nsellmu lill-ommijiet, nirringrazzjawhom u nitolbu għalihom. Dawk li huma ħajjin, ma ninsewx nuruhom li nħobbuhom għax issa huwa l-mument. Dawk li huma mejtin, x’nistgħu nagħmlu? Noffru din il-quddiesa għalihom u nitolbu għalihom għax aħna magħqudin fix-xirka tal-qaddisin. Imma niftakru wkoll, kif għidt fil-bidu, f’tant ommijiet spiritwali – dawk li ma welldunix fil-ġisem imma mantnewna, ħadu ħsiebna bit-talb tagħhom, bil-kura tagħhom, fir-ruħ u fil-ġisem; dawk huma wkoll ommijiet spiritwali, li llum niċċelebraw u li nirringrazzjaw, fosthom il-Qaddejja taċ-Ċenaklu.

Illum nitolbu wkoll, biex in-nisa li jixtiequ jsiru ommijiet, u din hi grazzja kbira li nitlob lil Alla bl-interċessjoni ta’ Sant’Anna (in-nanna ta’ Ġesù) biex il-Mulej jagħtihom il-grazzja tal-maternità. Nitolbu wkoll għan-nisa, li l-Mulej, jew iċ-ċirkustanzi, ħa ngħid hekk; iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, mhux biss is-sagrament taż-żwieġ imma ċ-ċirkustanzi tal-ħajja sejħulhom għall-maternità, biex jilqgħu din is-sejħa li forsi laqtithom mingħajr ma ppjanawha; ma jwarrbuhiex din l-avventura ta’ għotja u ta’ mħabba għax hemm kreatura innoċenti fin-nofs.

Imma llum hu mument ta’ gratitudni. Ħa ngħidilkom xi ħaġa li ħierġa minn qalbi. Kif San Ġorġ Preca, għallimna li lill-Mulej ngħidulu: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’; lil ommijietna, ħajjin u mejtin, illum ngħidulhom: ‘Grazzi ma u aħfirli ma’.     

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 1:1-11
Salm: 46:2-3,6-9
Qari II: Ef 4:1-13
L-Evanġelju: Mk 16:15-20

Aktar ritratti