• Nhar is‑Sibt 16 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ‑ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal‑pussess tal‑Kappillan il-ġdid, Dun Roderick Camilleri, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Wied il‑Għajn.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn
    16 ta’ April 2016
    “Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom, u jwassalhom ħdejn għejun ta’ ilmijiet tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom” (Apok 7, 16-17).
    Għażiż kappillan, għażiż Fr Roderick, il-profezija tal-missjoni tiegħek hija din: permezz tiegħek il-Ħaruf li hemm f’nofs it-tron ikun ir-ragħaj ta’ din il-komunità, ta’ din il-Parroċċa. Il-Ħaruf min hu? Il-Ħaruf huwa Ġesù. Bl-Aramajk il-kelma ‘ħaruf’ tfisser il-ħaruf li kien jinqatel b’sagrifiċċju, imma tfisser ukoll qaddej u iben. U meta Ġwanni l-Battista indika lil Ġesù ta’ Nazaret lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “dan huwa l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29), il-kelma ‘ħaruf’ kienet bħal code, bħal kodiċi li bl-Aramajk setgħu jifhmuha ħaruf tas-sagrifiċċju, setgħu jifhmuha bħala qaddej, u bħala iben. Allura l-Ħaruf ta’ Alla, il-qadej ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla. Sakemm ikun hu, Ġesù ta’ Nazaret, il-Ħaruf ta’ Alla li jkun ir-ragħaj tagħna, allura aħna nitwasslu ħdejn “l-ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. Hu jixxutalna kull demgħa minn għajnejna”.
    Il-ministeru tiegħek, għażiż kappillan, huwa li tisma’ lil poplu tiegħek bil-kelma tal-Mulej, “ma jbatux aktar ġuħ”, li inti tisqihom l-ilma tal-ħniena: “anqas għatx ma jagħmel bihom aktar”, u tieħu dan l-ilma mill-bir ta’ Ġakobb li ħdejh għajjien qagħad is-Sinjur meta ltaqa’ mas-Samaritana u qalilha: “kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qed jgħidlek ‘tini nixrob,’ inti kont titolbu l-ilma u kien jagħtik ilma li jwassal għal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4, 10).
    Bil-għajununa ta’ Fr Luke inti se tgħin il-komunità biex ma tbatix is-sħana li taħkem u l-għomma li tħeġġeġ, imma bil-paċenzja tiegħek, bil-kelma tiegħek, tkun dak id-dell li jiffriska l-moħħ għajjien u l-qalb imregħxa. Għax inti r-ragħaj li ħallejt lill-Mulej jirgħa’. Inti smajt leħnu, illum inti bil-mandat tal-Isqof tiegħek, issir ragħaj, imma tinsiex li inti wkoll nagħġa, għax qed tisma’ leħnu għax hu jgħarfek u jħobbok u inti timxi warajh.
    Meta Ġesù jgħidilna: “in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġw 10, 27), qed jgħid l-ewwelnett għalina, għalik, għalija, għal  ħutek is-saċerdoti li ġew hawnhekk biex jitolbu miegħek u għalik, u wkoll għal tant lajċi li huma msejħa biex ikunu ommijiet u missirijiet, ragħajja tal-familji tagħhom biex ma ngħidx ukoll għas-Sindku li huwa r-ragħaj ċiviku ta’ din il-komunità. Jiena nirringrazzjah tal-preżenza tiegħu fostna għax aħna għandna bżonn, bħala komunità Nisranija, inkunu ta’ servizz anke fil-komunità ċivika.
    Inkunu leħen mingħajr ma nkunu arroganti jew prepotenti, inkunu leħen li jidħol fi djalogu, imma fl-istess ħin jirrispetta li aħna m’għandniex awtorità statali, imma ta’ servizz lill-komunità.  Għalhekk il-kollaborazzjoni ma’ l-Istat hija għalina prezzjuża, prezzjuża għax aħna ngħixu f’din id-dinja u rridu nkunu “il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja”, irridu nkunu wkoll preżenza li kultant tqanqal, li tinkuraġixxi, li tfarraġ u li tippromwovi dak kollu li hu tajjeb.
    “Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem, u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10, 28). Kemm huma kliem ta’ faraġ dawn. Ġesù huwa kważi ġeluż għalina, se jissielet għalina u hekk għamel fuq is-salib meta ta ħajtu, meta xerred sal-aħħar qatra ta’ demmu.
    Inti kif se tiżgura l-preżenza tiegħek lejn is-saċerdoti tiegħek u lejn il-poplu tiegħek? Ftakar f’dik l-alba li tilbes inti u tipprepara għall-Quddiesa u għas-Sagramenti. Alba tfisser bjuda. Infakkrek fiha, għax fit-Tieni Qari li qara ħuk Josef, qalilna li kien hemm “dawn il-ġnus weqfin fuq it-tron”, il-Ħaruf huwa Ġesù  u “kienu lkoll lebsin ilbies twal bojod” (Apok 7, 9). Issa din l-imbierka libsa twila bajda hija tas-saċerdoti. Il-libsa bajda hija l-libsa tal-Magħmudija, il-libsa tal-identità Nisranija li aħna nilqgħu mill-Mulej għax aħna midinbin. Din il-libsa tingħatalna bħala don fil-Magħmudija.
    Din il-libsa rridu nżommuha bajda jgħidilna l-Apokalissi, billi aħna “naħsluha u nbajduha fid-demm tal-Ħaruf”. Wieħed mix-xjuħ qal lill-awtur tal-Ktieb tal-Apokalissi: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir” (v. 14). Mela jiena, Fr Roderick, mhux se inwegħdek ħajja komda, inti taf, anzi qed inwegħdek “taħbit kbir” imma għandek s-sapport ta’ dawn in-nies. Ilbiesek trid “taħsilhom ta’ spiss u tbajjadhom fid-demm tal-Ħaruf”.
    San Ġorġ Preca f’wieħed mill-kotba ħafna sbieħ tiegħu ‘Is-Salm Vangeliku tas-Sirjaku’ li huwa ktieb sħiħ innu lil Ġesù, indirizzat kollu lilU. Ħin minnhom lil Ġesù jgħidlu: “Inti tant ħabbejtna li tajtna l-Qrar li bih aħna ninħaslu fid-demm tiegħek”. Kemm hi espressjoni qawwija u sabiħa u San Ġorġ li t-tagħlim tiegħu kien ispirat mill-kelma ta’ Alla, żgur li kellu f’moħħu din il-frażi feliċi mill-Apokalissi ta’ San Ġwann.
    Il-libsa hija bajda mhux minħabba l-mertu tagħna, u x’merti huma dawn! Fejn se nsibuhom il-merti tagħna jekk mhux fih, ir-Ragħaj tagħna li hu Ġesù? Il-bjuda tal-libsa tiegħek, għażiż kappillan, u ta’ kull saċerdot, ġejja mill-ħasil fid-demm tal-Feddej, u din hija l-innu tal-ħniena li ta lill-komunità b’mod speċjali f’din is-Sena tal-Ħniena. Il-bjuda tar-ruħ Nisranija mhix ġejja mill-merti tal-bnedmin. Dan huwa kliem ta’ faraġ mhux kliem li jaqtagħlna qalbna. Il-qdusija tagħna u tal-qaddisin kollha ġejjin mid-demm tal-Feddej.
    Jiena għidtlek, qed inwegħdek it-taħbit, u jekk trid titfarraġ meta kollox jiġi bil-għawġ, jew kważi, aqra’ ftit l-Atti tal-Appostli. L-Atti tal-Appostli huwa r-rakkont tal-ewwel komunità Nisranija, ta’ l-ewwel atti tal-komunità Nisranija. Jekk inti taqra’ l-paġna per eżempju li qrajna llum mill-Atti kapitlu tlettax (13), issib kliem ta’ faraġ, il-kelma grazzja ta’ Alla, kuraġġ, ferħ fl-Ispirtu s-Santu, imma hemm ukoll l-għira, id-dagħa, it-tixwix. Dan kollu parti mill-ħajja tagħna.
    Inti mexxi lill-komunità tiegħek b’kuraġġ, b’kelma ċara u ħanina, u b’lealtà lejn kull wieħed u waħda minn dan il-poplu afdat f’idejk. Qed ngħidilek quddiemhom: dawn li se jaqsmu l-Evanġelju miegħek, bħalma kienu jagħmlu ma’ Ġesù, u jkunu jriduk magħhom għax iħobbuk u inti tħobbhom, kull ħin tal-ġurnata. L-għajnuna ta’ Fr Luke li huwa l-viċi tiegħek u tal-komunità; kunu ġelużi għall-ħin tat-talb, għall-ħin tal-mistrieħ, għall-ħin tal-komunità saċerdotali anke ma sħabkom. Illum is-saċerdoti ġew biex jissapportjawkom għax intom hemm bżonn tibqgħu saċerdoti tal-Mulej, minkejja d-difetti u d-dnubiet tagħkom, biex tkunu tassew ragħajja ta’ dan il-poplu għażiż.
    Jiena waqt li nafdakom f’idejhom, nitlob lil Sant’Anna biex tipproteġikom bħalma pproteġiet u għallmet lil mama’ ta’ Ġesù, u jkollkom venerazzjoni għan-nanniet f’din il-parroċċa dedikata lin-nanna ta’ Ġesù. Imma itolbu biex bl-imħabba li toħroġ minn kull għadma ta’ ġisimkom, il-Mulej jattira, permezz tagħkom, vokazzjonijiet għas-saċerdozju. Jekk ma jkunx hawn vokazzjonijiet minn Wied il-Għajn, min se jieħu ħsieb komunità kbira, żgħażugħa, b’attirazzjonijiet kbar, b’potenzjal straordinarju?
    Imma jien wkoll nixtieq nitlob illum għaż-żgħażagħ li l-Mulej qed isejjaħ għall-ħajja taż-żwieġ. Għandna din il-kelma sabiħa li tana l-Papa Franġisku, kelma tassew sabiħa li ’l quddiem se jkollna f’idejna anke bil-Malti. Jalla kull min hu msejjaħ għaż-żwieġ u kull min qed jgħix din il-vokazzjoni, ikollu l-grazzja li, minkejja d-diffikulatjiet, minkejja d-diżappunti, minkejja l-fallimenti, li ma naqtgħux qalbna imma nkomplu nippromwovu l-għodda tas-sagrament taż-żweġ tal-ħajja miżżewġa Nisranija.
    “Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. Hallelujah” (S 99, 1-2).
     
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta 
  • Ritratti: Parroċċa Wied il-Għajn