Xogħol li kien ilu għaddej għall-aħħar xhur, u li sewa madwar €60,000 wassal biex tkun restawrata u konservata n-niċċa ta’ San Pawl, li tinsab bi prominenza fis-Saqqajja, fir-Rabat, Malta.

In-niċċa hi monument important fir-Rabat, li nbniet fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet minnha l-belt antika tal-Imdina fis-seklu 18.

Fit-2 ta’ Settembru tal-1798, il-poplu mdejjaq bil-ħakma tal-Franċiżi kien inġabar bi ħġaru quddiem din ix-xbieha biex jitlob l-għajnuna u l-protezzjoni ta’ Missierna San Pawl. Hawn ukoll seħħew l-irvellijiet tal-Maltin kontra l-Franċizi mmexxija min-nutar Emanuele Vitale, li kien Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, li din in-niċċa hija propjeta’ tagħha.

Matul iż-żmien, din in-niċċa, kapulavur fil-ġebla Maltija, tmermret u sarulha diversi interventi ta’ restawr, fosthom dak l-iktar riċenti li nkluda bdil ta’ ġebel u konservazzjoni ta’ aperturi tal-injam u kanċelli tal-ħadid, jammontaw għal madwar €60,000.

Ix-xogħol kien jirrikjedi reqqa kbira speċjalment fit-tindif li kien hemm bżonn minħabba l-elementi tat-temp, nugrufun tal-karozzi u riħ qawwi li jaħkem dawn l-inħawi tant esposti għall-elementi u li jikkawżaw il-ħsara.

L-inawgurazzjoni saret is-Sibt li għadda, matul ċelebrazzjoni organizzata mill-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien mal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, bil-preżenza u l-parteċipazzjoni tar-restawraturi u esperti f’dan il-qasam li ħadu ħsieb ir-restawr.

F’din is-serata ħadet sehem ukoll il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam taħt it-tmexxija ta’ Mro. William Debattista. Sar ukoll moment ta’ talb u tberik mir-Rev. Patri Clive Camilleri OFM, Gawrdajn tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù Rabat u Direttur Spiritwali tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp.

Sors: Newsbook.com.mt