Id-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin tal-Vatikan illum ħabbar li ġie attribwit miraklu ieħor bl-interċessjoni ta’ Carlo Acutis. Dan ifisser li dan iż-żagħżugħ se jiġi ddikjarat qaddis.

Il-miraklu jinvolvi l-fejqan ta’ tifla mill-Kosta Rika, li tgħix Firenze fl-Italja, li meta kellha 11-il sena waqgħet mir-rota u ġarrbet feriti gravi f’rasha. It-tifla ttieħdet l-isptar, fejn infetaħ il-kranju tagħha biex tittaffa l-pressjoni fuq il-moħħ, iżda s-sitwazzjoni baqgħet xorta kritika.

Dan l-inċident ġara fit-2 ta’ Lulju 2022 u kollega ta’ ommha mill-ewwel bdiet titlob lill-Beatu Carlo Acutis. Sitt ijiem wara, omm it-tifla marret Assisi biex titlob fil-qabar tal-Beatu Carlo. Dakinhar stess, it-tifla bdiet tieħu nifs waħidha. Fi żmien għaxart ijiem ħarġet mill-Taqsima tal-Kura Intensiva. Ix-xahar ta’ wara bdiet it-terapija iżda damet biss ġimgħa minħabba li fieqet malajr.

Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju 1991 u miet fit-12 ta’ Ottubru 2006 fl-età ta 15-il sena. Wara l-mewt tiegħu, ta’ żagħżugħ li kien, minħabba l-interess tiegħu fil-kompjuters u fil-websites, ġie msejjaħ bħala “il-qaddis patrun tal-Internet”.

Minbarra l-Beatu Carlo Acutis, il-Vatikan ħabbar li fost l-oħrajn se jiġu kkanonizzati wkoll is-soru Kanadiża Beata Marie-Léonie Paradis, fundatriċi taż-Sorijiet iż-Żgħar tal-Fqar tal-Familja Mqaddsa (Little Sisters of the Holy Family) u l-Beata Elena Guerra, magħrufa bħala l-appostlu tal-Ispirtu s-Santu.