L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Dawn kienu fost l-aħħar kliem li qal Ġesù fl-Evanġelju skond San Mattew, li qal lill-ħdax qabel ma tela’ s-sema. Qalilhom dal-kliem biex jgħaddilhom il-missjoni li kien wettaq hu, missjoni ta’ salvazzjoni skond ir-rieda ta’ Alla. Hu ried li din il-missjoni titkompla minnhom u tasal sal-ġnus kollha, filwaqt li wegħidhom: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).
Ġesù jitkellem ċar mal-appostli fuq il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu – fuq it-Trinità. Aħna nafu li sa mill-bidu tal-ħajja tal-Knisja kien hemm dan l-għarfien – li Alla hu wieħed, u f’Alla hemm tliet persuni: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hekk ngħidu fit-talb tagħna waqt il-quddies, b’mod kontinwu. Hekk ngħidu kull darba li rroddu s-salib: fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-misteru
Dan hu misteru. Imma rridu nagħrfu sewwa t-tifsira tal-kelma “misteru”. Ħafna drabi nużaw din il-kelma biex infissru li hemm xi ħaġa li ma nistgħux nifhmu. Imma “misteru” jfisser iżjed minn hekk. Ifisser li l-moħħ tagħna hu żgħir, limitat, u ma jistax iqiegħed fih l-immensità ta’ Alla. Nistgħu nifhmu biss ftit, imma l-ftit li nistgħu nifhmu hu importanti għal ħajjitna.
La Ġesù wriena li Alla hu Alla wieħed imma Trinità, tliet persuni – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu – ifisser li hemm messaġġ li jiswa għal ħajjitna. Nixtieq li nirriflettu fuq dan aktar milli li nippruvaw nifhmu dak li ma nistgħux bil-moħħ limitat tagħna. Nirriflettu fuq dak li Alla Trinità qiegħed jgħidilna għal ħajjitna.
Il-milja
L-ewwel nett, it-Trinità turina min hu Alla: Alla hu komunjoni ta’ persuni, komunjoni perfetta, l-imħabba fil-milja tagħha. Kemm-il darba fl-Iskrittura nsibu li Alla hu mħabba, l-imħabba sħiħa. Fit-Trinità hemm l-unità sħiħa fid-diversità.
Din il-festa ma turiniex biss min hu Alla, qisna b’xi mod qed inħarsu mill-bogħod lejh. Imma turina min hu Alla għalina. Alla li hu mħabba jrid li jaqsam din l-imħabba magħna, li jseħibna f’din l-imħabba sħiħa tiegħu. Irid li f’din l-imħabba li nilqgħu fina aħna nsibu l-milja ta’ ħajjitna, dak li hu l-isbaħ u l-aħjar.
Lilna Alla tana din il-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba, u li f’din l-esperjenza nsibu l-milja ta’ ħajjitna. Fil-fatt, jekk naħsbu ftit fuq il-ħajja tagħna, nindunaw li verament l-iktar esperjenza li timla l-qalb u li tibqa’ hi l-esperjenza ta’ mħabba: meta inti tħobb verament, u meta int tkun maħbub jew maħbuba verament. Hemm diversi affarijiet importanti fil-ħajja, hemm ħidmiet li jagħtuna sodisfazzjon b’mod tajjeb – mhux qed nitkellem fuq dak li hu ħażin, li għandna dejjem inwarrbuh – u hu tajjeb nirsistu għal dak li jagħtina sodisfazzjon b’mod tajjeb. Imma fl-aħħar mill-aħħar hi l-imħabba l-isbaħ esperjenza. U bir-raġun, għax isseħibna fil-ħajja ta’ Alla.
Ix-xbieha
Alla ħalaqna xbieha tiegħu. U meta nagħrfu dan, inkunu lesti nħallu lil Alla mħabba jimla lil ħajjitna bl-imħabba tiegħu, u jgħinna biex ngħixu tassew bħala xbieha tiegħu, b’mod li ngħixu din l-imħabba fil-ħajja ta’ kuljum. Nagħmlu dan, qabel xejn, ma’ dawk qrib tagħna, ma’ dawk li niltaqgħu magħhom kuljum fi ħdan il-familja. Ngħixu din l-imħabba wkoll ma’ oħrajn li nħabbtu wiċċna magħhom tul il-ġurnata u li l-ħajja tlaqqagħna magħhom. Hemm imsejħin biex ngħixu din l-imħabba ta’ Alla.
Bħalma Alla hu mħabba, aħna, li aħna xbieha tiegħu, imsejħin biex ngħixu din l-imħabba mhux biss fid-diskors tagħna imma, aktar minn hekk, f’dak li nagħmlu u nagħżlu fil-ħajja tagħna. Kultant huma dawk l-affarijiet żgħar li jidhru insinifikanti, li qisek bihom u mingħajrhom xorta, imma li tant għandhom tifsira fil-ħajja. L-imħabba ngħixuha billi nisimgħu lil dawk qrib tagħna, billi nuru attenzjoni lejn l-oħrajn u b’mod speċjali lejn dawk li huma morda u li għaddejjin minn tbatija. Nuru l-imħabba billi nieħdu paċenzja, billi nkunu lesti ngħidu kelma ta’ ġid, kelma li ssostni lill-oħrajn u tinkoraġġihom, u nieħdu azzjoni li biha nerfgħu lil min għaddej minn żmien diffiċli. Dan hu l-mod konkret kif ngħixu l-ħajja ta’ mħabba bħala xbieha ta’ Alla.
L-isbaħ
Meta ngħixu b’dan l-ispirtu, ikollna tassew esperjenza qawwija tal-ħajja ta’ mħabba tat-Trinità Qaddisa. Żgur li nagħrfu kemm hu sabiħ li ngħixu din l-esperjenza. Hu veru wkoll il-kontra: meta aħna nfittxu biss lilna nfusna, medhija fl-egoiżmu tagħna, meta nfittxu li kollox idur magħna, li nistagħnew aħna minn fuq dahar ħaddieħor flok li nkunu ta’ għajnuna, hemm inkunu qed nitbiegħdu mill-ħajja ta’ Alla Trinità, u hemm nindunaw kemm imrar dan iġib f’qalbna u f’qalb l-oħrajn li jiltaqgħu magħna, u jħallilna vojt kbir f’ħajjitna.
Nitolbu lill-Mulej illum: biex nagħrfuh bħala Alla Trinità, Alla ta’ mħabba perfetta, festa ta’ mħabba; biex ngħixu dejjem b’qalb miftuħa għall-imħabba li jrid jagħtina u nagħmlu esperjenza sabiħa ta’ din l-imħabba permezz tal-qalb miftuħa tagħna għall-oħrajn, speċjalment dawk li qegħdin ibatu u dawk l-aktar fil-bżonn. Nitolbu lil Alla Trinità ħalli nagħrfu li hu f’din l-imħabba, li hu jiżra’ f’qalbna, li aħna nsibu l-isbaħ, l-aħjar u l-aqwa f’ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju