Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Din is-sena, il-festa ta’ Ġesù Redentur ġewwa l-Bażilika tal-Isla se ssir nhar is-7 ta’ Ġunju. Dan minħabba l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew, li se jsiru l-għada.

Il-festa tibda permezz ta’ tlett ijiem ta’ Tridu li jibdew nhar l-4 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Ġunju fis-6pm fil-Bażilika tal-Isla. Din is-sena, il-Kanonku Dr Nicholas Doublet, li hu l-arkivista tad-Djoċesi u lettur tal-Istorja tal-Knisja fi ħdan l-Università ta’ Malta, se jiftaħ dan it-Tridu.

F’jum il-festa, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew fis-6pm b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Carmelo Refalo, bis-sehem tal-Kapitlu Senglean, u tkun segwita minn purċissjoni bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur.

Il-purċissjoni hi organizzata mill-Fratellanza tas-Santissimu Kurċifiss bis-sehem tal-Ordni Ewkestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm, li jieħu sehem permezz tal-kavallieri, dami u ekklesjastiċi.

Ħafna huma dawk il-pellegrini li jinġabru fil-Bażilika tal-Belt Senglea sabiex jimxu b’tant devozzjoni wara din ix-xbieha mirakoluża, f’purċissjoni li tkun dominata minn devozzjoni u talb. Ħafna huma dawk il-persuni li jagħmlu din il-mixja minħabba xi grazzja li rċevew jew bħala mixja ta’ fidi.

Din il-festa tmur lura għall-1813 meta s-Sengleani għamlu wegħda li jekk ma tidħolx il-pesta ġewwa l-Belt tal-Isla jibdew jagħmlu 3 purċissjonijiet fosthom din ta’ Ġunju bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Il-poplu Senglean baqa’ jżomm din il-wegħda u ta’ kull sena ssir din il-festa ad unur Ġesù Redentur.

Ix-xbieha mirakoluża toħroġ ukoll fit-toroq tal-Isla f’Marzu, waqt il-pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan imexxi l-Arċisqof Charles Scicluna, u fil-purċissjoni bil-misteri tal-passjoni fil-Ġimgħa l-Kbira.

Ħafna komunitajiet jagħmlu pellegrinaġġi ta’ talb sabiex jitolbu quddiem din ix-xbieha u kull nhar ta’ Ġimgħa fl-10am issir quddiesa għal pellegrini.

Sors: Newsbook Malta