Il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Assunta f’Ħal Għaxaq se jkollha l-koppla u s-saqaf tagħha rrestawrati.

Permezz ta’ għajnuna finanzjarja li se tingħata lil din il-parroċċa, li tammonta għal €120,000, se jsiru numru ta’ xogħlijiet fosthom ir-restawr tal-aperturi tal-injam, il-waterproofing tal-koppla nfusha u l-fanal, kif ukoll il-konservazzjoni tal-ġebel innifsu. Il-bażi tal-kisi eżistenti tas-saqaf se jkun wkoll għaddej minn xogħol ta’ tiswija.

Il-finanzjament għar-restawr tal-knisja ta’ Ħal Għaxaq sar possibbli bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u Komunità Malta.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici qal li din il-knisja għandha rabta qawwija mal-istorja ta’ Ħal Għaxaq u semma l-artistrija tagħha fosthom it-tnaqqix tal-ġebel elaborat, affreski u l-istatwa titulari ċelebri ta’ Marija Assunta.

“Permezz ta’ dan l-investiment ġdid, se jippermetti li l-knisja tiġi rrestawrata għax dan hu investiment li jirrifletti l-impenn tagħna biex nippreservaw u nippromwovu l-wirt nazzjonali tagħna,” qal Bonnici.

Il-Ministru għax-Xogħol Byron Camilleri qal li l-aġenzija Komunità Malta, li huwa responsabbli għaliha, qiegħda taħdem id f’id mal-komunità ta’ Ħal Għaxaq, “għaliex b’dan ix-xogħol mhux biss ser ikun protett patrimonju kulturali iżda tintuża b’mod reliġjuż kuljum mill-komunità”.

Preżenti għall-iffirmar tal-proġett ta’ restawr kien hemm Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq.

Sors: Newsbook.com.mt