Messaġġ u Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna
Katidral tal-Imdina
31 ta’ Marzu 2016
Fil-bidu, quddiem il-bieb tal-Katidral:
L-ewwelnett grazzi ħafna talli ġejtu, nirringrazzja lill-ġenituri, lil-katekisti li ġabukom hawnhekk. Nixtieq l-ewwelnett nagħtu ċapċipa lil dawn li għenuna nifhmu l-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb u tan-nagħġa l-mitlufa. Grazzi ħafna.
Issa intom rajtu nagħġa ta’ veru. Bl-istorbju tagħna werwirnieha u kważi riedet toqgħod hemmhekk fil-bieb u ma riditx tidħol. Din l-idea li aħna jkollna bieb u li jissejjaħ Bieb tal-Ħniena hija l-idea tal-Papa Franġisku. Nagħtu ċapċipa kbira lill-Papa Franġisku li ġietu din l-idea: li fil-knejjes, uħud minnhom, b’mod speċjali fil-knejjes tal-Isqof jgħidulu Katidral, il-bieb isir Bieb tal-Ħniena.
Min jidħol minnu bħalma se nagħmlu aħna, jagħmel talba lil Ġesù. Ħa ngħallimilkom u intom u deħlin minn dan il-bieb, il-bieb tal-Katidral, għidulu hekk – din hija talba li kien iħobb ħafna San Ġorġ Preca: “Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla”. Kif se ngħiduhielu? “Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla”. Għax għalhekk se ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena biex lil Ġesù ngħidulu: “thank you” u ngħidulu: “sorry”.
Dawn iż-żewġ kelmiet: “thank you” u “sorry”. Thank you tal-affarijiet sbieħ, anke tal-ġurnata sabiħa, ir-riħ li tajjar il-bżieżaq kollha, lanqas jistgħu joqgħodu f’posthom, tal-kuluri sbieħ, ta’ min jieħu ħsiebkom, tal-katekisti, u talli Ġesù miet għalina u qam mill-mewt.
Ngħidulu “sorry” għax aħna mhux dejjem inkunu bil-għaqal, ibda minni! Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ngħidulu “sorry”, u se nibda jien. Nidħol mill-Bieb u jiena u dieħel hawnhekk fejn kien hemm in-nagħġa ngħidlu: “Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla”. Promise, ngħidulu hekk?
L-Omelija
Issa tfal, ‘il fejn se tħarsu issa, lejja jew lejn l-iscreen? Tajjeb. Meta nkunu l-Knisja x’inhu l-iżjed importanti: dak li jkun qed jiġri, jew lejn l-iscreen? Dak li jkun qiegħed jiġri!
Mela llum għamilna żball u ma nerġgħux nagħmluh iżjed, ma nerġgħux nagħmluh iżjed. Għax id-djaknu kien qed jaqra l-Evanġelu minn hemmhekk, hux veru? Imma aħna ħarisna hemmhekk. Min ma jkunx jista’ jifhem jista’ jagħmel hekk, ħalli jkun jista’ jsegwi, imma meta nkunu fil-Knisja, aħna rridu nħarsu lejn jew is-saċerdot, jew id-djaknu li qed jaqra’, jew inkella fejn qiegħda ssir it-talba. Aħna mhux reċta qegħdin nagħmlu. Veru għandna ftit atturi jirreċtaw, imma qegħdin nitolbu u allura rridu nagħtu l-attenzjoni tagħna fejn qiegħed isir it-talb.
Dan huwa Mark Pauley, huwa djaknu għalhekk għandu din il-libsa, il-libsa tad-djaknu. Djaknu huwa qaddej; il-kelma djaknu tfisser qaddej. Fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, Mark se jsir saċerdot, nagħtuh ċapċipa. Anke hemm sħabu oħrajn li se jsiru saċerdoti, nitolbu għalihom. Meta d-djaknu jmur hemmhekk (fuq l-Ambone) iħabbrilna l-Evanġelju, Ġesù jkun qiegħed ikellimna għax Hu jinqeda bil-bnedmin biex ikompli jgħidilna kemm iħobbna.
Illum Ġesù iltaqa’ mad-dixxipli tiegħu, mal-appostli li kienu mimlijin bil-biża’ għax ma kienux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, wara li rawh msallab u mejjet u jagħmlilhom kuraġġ. X’inhija t-tislima ta’ Ġesù wara li qam mill-imwiet? X’kien jgħidilhom? “Il-Paċi magħkom”! Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nkunu nistgħu nagħtu din it-tislima lil xulxin.
Issa intom tikbru, tikbru malajr mgħaġġlin ħafna, tibdew titwalu, issiru iżjed għorrief, iżjed b’saħħitkom, iżjed intelliġenti. Isimgħuni: tafu kif tindunaw li ma’ Ġesù u mal-proxxmu li kollox OK? Għax ikollok il-paċi f’qalbek. Meta jkollok il-paċi f’qalbek, dak huwa sinjal li O.K.
Pereżempju, jiena ta’ bniedem dgħajjef li jien, niġġieled ma’ xi ħadd u nibda ngħid: “ma rridx naħfirlu, ma rridtx naħfirlu” bħalma rajna sħabkom qabel tlabna l-maħfra. Għax din tiġrilna ħafna drabi, imbagħad niftakar fil-kelma ta’ Ġesù: “aħfrilna dnubietrna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. X’qalilna Ġesù, kif għallimna nitolbu? “Aħfirlna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Mhux nitlobna biss irrid, irrid ngħixha! Jiena naħfer irrid. Issa din mhix kwistjoni ta’feeling, ngħid ‘jiena ma rridx niftakar iżjed’, anke jekk niftkar, qisni mhux qed niftakar, imbagħad fil-qalb tiegħi nħoss paċi kbira, fhimtuni?
Mela ħa ngħidu talba flimkien: “Ġesù, agħtina l-grazzja li dejjem inkunu fil-paċi miegħek u fil-paċi ma’ ħutna”.
Il-paċi magħkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta