L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kif għadna kif smajna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann li jissellef il-kliem tal-profeta Żakkarija: “Huma qagħad iħarsu lejn min nifdu.”(Ġw 19:37). Min hu dan ir-raġel minfud? Huwa l-imsallab Ġesù Kristu Sultan tal-Lhud li minflok kissrulu riġlejh bħala l-aħħar daqqa fl-eżekuzzjoni tiegħu, peress li kien diġà miet, fizzjal qabad lanza u nifend il-kustad tiegħu.

Aħna nħarsu lejh u fina wkoll isseħħ il-profezija ta’ Żakkarija u l-kelma li jirrepeti Ġwanni: “Huma qagħad jħarsu lejn min nifdu.” (Ġw 19:37).   Jerġa’ jirrepetiha fil-ktieb tal-Apokalissi li b’xi mod jipprova jispjegalna t-taqtiegħa bejn it-tajjeb u l-ħażin li rridu ngħixu fuq din l-art, imma wkoll jipprova jispjega ix-xenqa li hemm f’kull wieħed u waħda minnha għal dik il-belt qaddisa — Ġerusalem tas-Sema — li fiha jsaltan u jgħammar bħala fanal kontinwament jiddi l-Ħaruf: “Ma għandhiex fanal għax id-dawl tagħha huwa l-ħaruf maqtul.” – il-Ħaruf bla tebgħa. Minn fuq dan l-artal li huwa kkonsagrat, is-saċerdot jgħidilna f’kull quddiesa: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Henjin huma dak li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.”

Illum fil-konsagrazzjoni tat-tempju qegħdin inkomplu u ngħaqqdu d-dedikazzjoni ta’ dan l-ambjent li bdiet bit-tberik u l-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal u rridu allura nieħdu dan il-jum bħala providenza u messaġġ tal-ħniena ta’ Alla għalina. Għaliex il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, il-konkluzjoni ta’ dan ir-rit li beda diġà meta ġie kkonsagrat l-artal u llum qed jiġi konkluż bil-konsagrazzjoni ta’ dan l-ambjent, il-ġebel u tberik tal-ħitan li diġà għamilna, li-konsagrazzjoni tal-ħitan u t-tqiegħid tas-sinjal tas-salib fuq il-ħitan, naħsbu ftit f’dik il-kelma li għadna kemm smajna fit-tieni qari mill-Appostlu Missierna.

Nikbru f’ambjent li jagħti l-ħajja

L-ewwel nett stedina biex ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier  li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art. Hawnhekk huwa l-mument fejn aħna mhux biss fiżikament imma fl-ispirtu u l-qalb tagħna ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier u nagħrfu li kull komunità, kull familja tieħu l-paternità u l-maternità tagħha, tieħu l-imħabba tagħha mill-Missier, l-għajn ta’ kull ħajja, il-Ħallieq ta’ dak li jdher u dak li ma jidhirx – Alla Mħabba. Huwa ‘missier’ għax iħobb u kull familja nitolbu li tkun dejjem dik l-għamara, dik il-bejta fid-dinja, li tieħu isimha mill-Missier li huwa mħabba.

Il-komunità li tħossha fi kriżi fl-imħabba għandha bżonn tinżel aktar għarkupptejna. Imma aħna nifhmu li tinżel għarkupptejk mhux atteġjament fiżiku imma atteġjament spiritwali. Lil Alla tgħidlu:” Jiena għandi bżonnok; Grazzi Sinjur, aħfirli Sinjur Alla” (San Ġorġ Preca). Aħna ninżlu għarkupptejna quddiem il-Missier biex skont l-għana tal-glorja tiegħu jagħtina li bil-qawwa tiegħu, permezz tal-Ispirtu tiegħu nissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa u li fi Kristu jgħammar f’qalbna permezz tal-fidi biex inniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba u fuqha nibnu ħajjitna. Li nibnu ħajjitna fuq l-imħabba u li nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba.

Aħna u nikkonsagraw din il-binja u nkompli r-rit tal-konsagrazzjoni u ntemmuh bit-tberik ta’ din l-awla ta’ dan il-post, nitolbu biex kull wieħed u waħda minnha nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba. Jekk taqla’ pjanta mill-għeruq trid tpoġġiha jew fl-ilma jew tħawwilha fl-art, inkella kkundannajtha għall-mewt. Trid tħalli li l-għeruq tagħha jiżlu fl-ambjent li jagħtiha l-ħajja. B’din it-tixbiha qawwija, l-Appostlu Missierna jispjegalna li jekk aħna ma nniżżlux l-għeruq tagħna fl-imħabba, se mmutu, se nitilfu l-identità, il-jien tagħna.

Wara kollox illum qegħdin niċċelebraw il-Jien ta’ Ġesù, għax il-qalb u mhux il-muskolu imma l-personalità – il-Jien ta’ Ġesù. Meta ngħidu l-Qalb ta’ Ġesù, qed niċċelebraw l-identità – il-Jien ta’ Ġesù. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Biex nispjegaw lil xi ħadd ngħidu: “qalbu tajba, qalbu tad-deheb.” Anke biex nispjegaw kif inkunu aħna: “qalbi sewda” – nużaw ħafna kuluri għal qalb, ma għandiex għalfejn nsemmihom kollha! Għaliex aħna wkoll għandna l-istess mod ta’ kif nitkellmu meta nitkellmu fuq il-jien tal-persuna, nitkellmu fuq il-qalb – “Kemm għandu qalbu tajba, qalbu f’idu.” Allura meta niċċelebraw il-Qalb ta’ Ġesù qed niċċelebraw il-Jien tiegħu li huwa mħabba konkreta li tfisser fl-umiltà u fil-ħlewwa, fl-umiltà u l-manswetudni.

Meta nbierku l-ġebel li bnew il-bnedmin, li bniet din il-komunità, irridu mmorru ’l hemm mis-sinjal fiżiku u materjali. Qegħdin nagħmlu xi ħaġa spiritwali. Qed niddedikaw dan it-tempju lil Alla biex ifakkarna li aħna wkoll ddedikati għall-Missier li minn ismu u mill-imħabba tiegħu kull familja tal-bnedmin tieħu l-Jien tagħha.

Vittmi tar-rebgħa

Inzerta li din is-sena s-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù hija s-Sette Giugno, waħda mill-ħames festi nazzjonali –  peress li aħna pajjiż kbir għandna bżonn iżjed minn festa nazzjonali waħda?! Għandna kollezzjoni tagħhom. Imma din il-festa partikolari li għandha sinifikat profond trid tfakkarna li l-vjolenza mhix ir-risposta. L-arroganza mhix ir-risposta biex nitgħallmu ngħixu flimkien. Aħna llum qed niċċelebraw traġedja ta’ nies innoċenti li mietu frott l-arroganza u r-rebgħa tal-poter tal-bnedmin. Aħna nsejħulhom eroj imma huma vittmi għax ma tawx ħajjiethom għall-poplu. Kien hemm min baqa’ qed jistenna t-tifel, min mar biex jixtri l-ħobż u ma daħalx lura d-dar. Dawn huma vittmi innoċenti tal-vjolenza, tal-paniku, tal-biża’, tat-tixwix. Aħna li niċċelebraw din l-istorja nsibu ruħna li għadna ma ħlisniex mill-kawżi tat-traġedji tas-Sette Giugno. Nistgħu ngħidu li kienet parti mill-mixja biex il-poplu tagħna jkollu identità politika tiegħu. Imma l-mistoqsija fundamentali, waqt li nikkonsagraw din il-knisja tal-ġebel, hija: dawn is-sinjali konkreti xi jfissru spiritwalment għalik? X’attwalità għandhom għalina? X’sinjali jridu jkunu għalina? Din hija d-domanda li nagħmlu llum fis-Sette Giugno.

Nilqgħu l-ħajja, nilqgħu l-vokazzjonijiet

Illum li niċċelebraw l-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, nitolbu wkoll għad-don tal-vokazzjonijiet. Kull darba li niġi hawn u nħares lejkom, nitlob għad-don tal-vokazzjonijiet. Għaliex? Għaliex jaf jiġi ta’ warajja, u jiena u intom mhux se nkunu hawn. U warajna minn se jkun hawn? Il-bankijiet? Il-ħitan li kkonsagrajna llum? Din hi mistoqsija oħra li rridu nagħmlu aħna u nitolbu lill-Mulej. Nitolbuh biex l-ewwel nett ikompli jsejjaħ bnedmin għall-ħajja u aħna nilqgħuhom, imbagħad li jagħti s-sejħa u liż-żgħażagħ tagħna jgħidulu ‘iva’. Għalhekk, waqt li nikkonsagraw dawn il-ħitan ta’ dan it-tempju għażiż, ejjew nitolbu għad-don taż-żewġ sagramenti li jibnu l-Knisja: iż-żwieġ u s-saċerdozju.

Tgħiduli, imma l-ħajja reliġjuża fejn qiegħda? Il-ħajja reliġjuża hija dik it-tila silenzjuża li fuqha il-Mulej jikteb il-kapulavur tiegħu, tal-persuna msejħa għall-imħabba tiegħu totali. Għandna bżonn din ix-xhieda. Jista’ jkolli l-isbaħ pinzell u l-isbaħ kuluri, imma jekk ma għandniex it-tila, fejn ħa npoġġih? Kif ser nisprimi ruħi? Allura dawn is-sagramenti li jibnu l-Knisja għandhom bżonn it-tila tal-ħajja reliġjuża li fuqha l-Mulej jesprimi l-vokazzjoni tagħna għall-ġenna. Aħna lkoll kemm marbutin ħafna ma’ din id-dinja. Min jaf kemm ngħidulu mingħajr ħafna kliem: “Meta trid, imma m’iniex mgħaġġek – take your time. Imma fl-istess ħin ipoġġi fina u fiċ-ċirkostanzi dik is-sejħa għall-ġenna, hija l-għamara tagħna u jridna nibdew induquha minn issa bl-imħabba ta’ bejnietna, bil-maħfra ta’ bejnietna u l-paċenzja li nieħdu b’xulxin.

L-aħwa, il-paċenzja tista’ tkun jew infern jew purgatorju jew l-ġenna. Skont kif teħodha. Imma trid tieħu paċenzja dejjem. Issa agħżel inti x’se tkun għalik: jew l-infern jew il-purgatorju jew il-ġenna. Għax paċenzja trid tieħu dejjem u b’kulħadd: l-ewwel nett bik innifsek, u b’ta’ madwarek. Kultant nilludu ruħna li aħna l-martri, nieħdu paċenzja b’kulħadd u ma nindunaw kemm ikollna bżonn li jieħdu paċenzja bina. Għax dan bħalma jgħidu bl-Ingliż, u li kien iħobb jgħidha l-viċi rettur ta’ żmieni u li mbagħad sar rettur: “To live with saints in heaven is eternal glory. To live with saints on earth is another story.” Kultant aħna nkunu qaddisin imma proprju nkunu qaddisin għax nagħmlu lil xulxin qaddisin. Nitolbu d-don tal-paċenzja u nitolbu li l-paċenzja tagħna tkun almenu jekk mhux ġenna, tkun purgatorju.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Hos 11:1,3-4,8ċ-9
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: Efes 3:8-12,14-19
L-Evanġelju: Ġw 19:31-37

Aktar ritratti