L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna hu rakkont għażiż, li jibda u jispiċċa, almenu din is-silta li qrajna llum, fil-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, li jibda u jispiċċa b’riferiment importanti għall-għotja ta’ Ġesù. “Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid” (Mk 14:12). Is-saċerdot, f’kull quddiesa nisimgħuh jgħidilna, hu u jurina lil Ġesù fl-Ewkaristija: ‘Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla.’ Jirrepeti l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista, meta indika lil Ġesù lid-dixxipli tiegħu, waqt li qalilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29).

Imma r-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija, li qegħdin niċċelebraw ukoll illum, fl-Evanġelju ta’ San Mark, għandu dan il-kuntest preċiż: l-offerta, is-sagrifiċċju ta’ Ġesù. Għax ipoġġih fil-kuntest tal-offerta, tas-sagrifiċċju tal-ħaruf tal-Għid; u r-rakkont jispiċċa fi vjaġġ, li d-dixxipli mal-Imgħallem jagħmlu lejn il-Għolja taż-Żebbuġ, f’Ħamis ix-Xirka, lejlet il-mewt tiegħu. F’dan il-vjaġġ, li kellu jwasslu għat-tradiment tiegħu, għall-arrest tiegħu, għat-tortura tiegħu, għall-umiljazzjoni tiegħu taħt idejn ir-Rumani, u mbagħad il-Kurċifissjoni. Dan il-vjaġġ qasir, li miċ-Ċenaklu jaqsam il-Wied ta’ Kedron, iwassal lil Ġesù lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. U l-Ewkaristija ssir f’dan il-kuntest: kuntest ta’ għotja; kuntest ta’ mħabba li turi lilha nnifisha sal-aħħar qatra tad-demm tal-Imgħallem: ‘L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna’.

Id-dixxipli jixtiequ jagħmlu l-ikla tal-Għid. “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” (Mk 14:12). Għal-Lhud, l-ikla tal-Għid kienet l-ikla li tiċċelebra l-ħelsien mill-jasar; kienet ikla ta’ passaġġ mill-mewt għall-ħajja. U Ġesù jaċċetta li jagħmel l-ikla tal-Għid li aħna nafuha f’dan il-kuntest, bħala l-Aħħar Ċena tiegħu, u jindikalhom xi ħaġa. Jibgħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh.” (Mk 14:13). Ma nafux min kien dan ir-raġel li kien qed iġorr ġarra ilma. Diversi kummentaturi jgħidulna, li din ma kinitx xi ħaġa normali, għax ġeneralment l-ilma kienu jġorruh in-nisa. Imma Ġesù jindikalhom “raġel iġorr ġarra ilma” (Mk 14:13). Raġel li qed jagħmel xogħol normali għalina, li jġorr ġarra ilma, imma li jiġi mogħti bħala sinjal lid-dixxipli. Imorru warajh u jidħlu, u lil sid id-dar jgħidulu: “Qallek l-Imgħallem: fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?” (Mk 14:14).

Għażiż Dun Brian, ftakar dejjem f’dan ir-raġel li jġorr il-ġarra tal-ilma. Il-poplu afdat
f’idejk, jimxi warajk. F’liema dar se twasslu? Għal liema ikla se tistiednu? Jalla, inti u ġġorr l-ilma tal-magħmudija, l-ilma tal-fejqan, l-ilma li jtaffi l-għatx tal-poplu tiegħek,
inti twasslu għal dik id-dar, fejn il-poplu jiekol l-ikla tal-Għid ma’ Ġesù. Mal-ebda alla
falz ieħor. Itlob lil Alla, li l-poplu tiegħek ikollu għatx għall-ilma ħaj, li qed iġġorr fil-ġarra, u ġuħ għall-ikel li jħejji l-Mulej.

Snin ilu, ma niftakarx meta Dun Brian, imma darba minnhom kont qed naqra, bħalma
kont nagħmel kuljum tul is-17-il sena li ħdimt Ruma, il-Corriere della Sera, u kien hemm
artiklu ċkejken, intervista ma’ raġel li kellu restorant fuq waħda mill-gżejjer naqra posh,
Ischia, u li kien irċieva xi reviews mhux tajbin ħafna. U l-Corriere della Sera marru biex
jistaqsuh: ‘Imma dan x’ġara? Intom restorant tant famuż, kif spiċċajtu m’intomx tissodisfaw lill-klijenti fakultużi, li jiġu għandkom? U qal din l-espressjoni, li baqgħet miegħi: ‘Sa qual’è il nostro problema? Che noi dobbiamo dare da mangiare a chi non ha fame’. (Il-problema tagħna hi li rridu nitimgħu lil min m’għandux ġuħ). Għax kif tafu l-ġuħ u l-aptit, il-platt jagħmluh ħafna iżjed bnin. In-nanna kienet tgħid: ‘jgħaddi tal-għasel’. Għax il-ġuħ hu dak l-għasel li lill-platt, anke jekk ikun l-iżjed ħaġa sempliċi, biċċa ħobż biż-żejt u t-tadam u naqra kappar fuqu, itih kwalità Michelin.

U din tgħodd ukoll għall-ikla li jħejji Ġesù, u li għaliha jistedinna permezz tas-saċerdoti tagħna; permezz tal-ministeru tiegħek, Dun Brian. Għax jista’ jkun li aħna, poplu li xejn ma jissodisfana, għax m’għandniex bżonn iżjed il-Mulej! M’għandniex il-ġuħ u l-għatx tiegħu għax il-bir ta’ qalbna ma baqagħlux post għall-ilma: mimli biż-żrar tal-ħajja, bid-distrazzjonijiet.

U llum, dan nitlob fuqek, miegħek u għalik, u għas-saċerdoti sħabek. Il-Mulej ilaqqgħek ma’ poplu, li għandu l-ġuħ u l-għatx tal-Mulej, li meta jarak, ir-raġel bil-ġarra tal-ilma, jiġih l-għatx għall-għajn safja tal-Evanġelju. U meta inti twasslu lejn l-għorfa, fejn il-Mulej iħejji l-mejda tal-Ġisem u d-Demm tiegħu, il-poplu tiegħek jiġih il-ġuħ u l-għatx li jiltaqa’ ma’ Ġesù. Għax Ġesù, minn fuq dik il-mejda, jaqbad il-ħobż, u jgħid: “Dan hu ġismi” (Mk 14:22). Jaqbad il-kalċi u jgħid: “Dan hu demmi” (Mk 14:23). U Ġesù, din jagħmilha permezz tiegħek, u fik, u fina s-saċerdoti. U l-poplu jiġi għandek ukoll għall-ilma tal-fejqan. Inti tnewwel il-vuċi tiegħek lil Alla u lill-poplu tiegħek jgħidlu: ‘Naħfirlek dnubietek’. Il-Mulej jagħmel minnek strument li jtaffi l-għatx u l-ġuħ.

Għażiż Dun Brian, il-Mulej jagħmel minnek qaddej tal-Ewkaristija, ragħaj, li bħall-ħaruf tal-Għid, ma tibżax tagħti ħajtek għall-merħla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Piet 2:2-5,9-12
Salm: 99 (100):2,3,4,5
L-Evanġelju: Mk 10:46-52

Aktar ritratti